L-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete ppubblikat leaflet edukattiv immirat lejn dawk kollha li b’xi mod huma nvoluti fil-qasam edukattiv, fosthom l-għalliema, l-LSAs, l-istudenti u l-ġenituri tagħhom, il-carers u l-persuni li jgħixu bil-kundizzjoni tad-dijabete. L-iskop ta’ dan il-leaflet, li se jitqassam fl-iskejjel kollha hu li jispjega bl-aktar mod sempliċi x’inhi d-dijabete u kif wieħed jista’ jgħix biha.
Dan qed isir bħala parti minn kampanja edukattiva li qed tagħmel din l-Assoċjazzjoni, li hi NGO li taħdem biex tqajjem kuxjenza dwar din il-kundizzjoni f’pajjiżna. Il-leaflet kien imniedi waqt attività li saret fil-kwartieri tal-Assoċjazzjoni fil-Belt u l-ewwel kopja kienet ippreżentata formalment lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo mill-President tal-Assoċjazzjoni Anna Zammit McKeon u mill-Viċi President Chris Delicata.
L-Assoċjazzjoni sabet l-appoġġ tal-Unit tal-Pedjatrija fl-Isptar Mater Dei u ta’ diversi sponsors f’din l-inizjattiva. Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li hu mportanti li l-edukaturi kollha jkunu konxji ta’ xi ġġib magħha din il-kundizzjoni u fuq kollox ikunu konxji li tifel jew tifla bid-dijabete jistgħu xorta waħda jgħixu ħajja normali fit-tul minkejja l-kundizzjoni tagħhom.
//= $special ?>