Qorti

L-Ispettur li ressqet lir-raġel ‘innoċenti’ tgħid li emmnet il-verżjoni tat-tifla

L-Ispettur Louise Calleja qalet li hi dejjem emmnet il-verżjoni tat-tifla u kien għalhekk li kompliet għaddejja bil-każ. Qalet li kienet kredibbli f’dak li kienet qaltilha u li darba minnhom kienet marret man-nanniet tagħha u riedet tibdel il-verżjoni kontra missierha għax dawn kienu se jagħtuha mobile. Hi kkonfermat ukoll li t-tifla kellha ħafna problemi anke meta kienet għadha tmur l-iskola.

It-tifla, li llum għandha 20 sena, allegatament kienet ġiet imġiegħelha minn ommha biex tixhed falz kontra missierha, li kien ġie mixli fl-2004 b’korruzzjoni ta’ minorenni fil-konfront ta’ bintu. Hu kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġisrati u ġie kkundannat sentejn ħabs, liema sentenza kienet konfermata mill-Qorti tal-Appell.

Fil-ġimgħat li għaddew, il-missier ingħata l-libertà proviżorja wara li bintu bidlet il-verżjoni u qalet lil xi persuni u anke fil-Qorti li kienet gidbet. Il-każ kompla llum, hekk kif il-missier, Emmanuel Camilleri (ritratt) qed ifittex lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Ispettur Louise Calleja, b’ din tal-aħħar tkompli tkun ix-xhud prinċipali fil-każ.

Quddiem l-Imħallef Joseph R Micallef, il-każ Kostituzzjonali hu dwar nuqqas ta’ smiegħ xieraq. Għal darb’oħra kompla jsir il-kontro-eżami lill-Ispettur Louise Calleja min-naħa tal-Avukat Tonio Azzopardi, li qed jidher għal Emmanuel Camilleri. Hekk kif kien se jibda jinstema’ l-każ, il-Qorti qalet li l-25 rapport li hemm fil-konfront tal-omm, li fost oħrajn juru child neglect, m’humiex relevanti għal każ.

L-Ispettur Louise Calleja esebiet ir-rapport li kien sar fl-2010 meta Leanne Camilleri ġiet irrappurtata nieqsa. Dan ir-rapport iddaħħal fl-Għassa tal-Qawra. Qalet li kwistjonijiet ta’ child neglect jibqgħu fid-disrett. Min-naħa l-oħra, dwar persuni nieqsa, l-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji ta’ kuljum jara x’daħal.

Qalet li Leanne kienet telgħet tliet darbiet tixhed u għalhekk il-Qorti tkun qed issegwieha. Dan apparti li ġew maħtura diversi esperti. Qalet ukoll li l-każ ta’ persuna nieqsa kienu tkellmu magħha biex jaraw fhiex wasal il-każ u li dakinhar il-każ kien wasal fit-tratazzjonjiet finali. “Inti kont taf li kien hemm rapport ippreparat minn Stefanie Galea bħala Avukat tat-tfal. Kienet id-Difiża jew il-Prosekuzzjoni li nfurmat lill-Qorti?”, staqsa l-Avukat Tonio Azzopardi lix-xhud.

L-Ispettur Calleja wieġbet li “ma kontx naf bis-sitwazzjoni ta’ Stefanie Galea, iżda wara li d-Difiża nfurmat lill-Qorti, kienet ittellgħet tixhed”. L-Ispettur kompliet li d-dokument ma kienx ġie għall-attenzjoni tagħha. L-Avukat Stefanie Galea kienet xehdet f’Novembru 2007. Qalet li meta tat ix-xhieda tagħha Galea, il-Qorti ċaħdet id-deċiżjoni li titla’ tagħti x-xhieda tagħha Leanne Camilleri. Min-naħa tagħha, għal darb’oħra l-Prosekuzzjoni tellgħet tixhed lit-tifla.

L-Ispettur Calleja qalet li kienet il-Qorti li mexxietha u riedet tisma’ lil Leanne. Kienet ukoll il-Qorti li tat ordni biex Leanne terġa’ tinstema’. “Jien mhux se ntellef ix-xogħol tal-Qorti. Mhux se mmur inkellem lil Galea jien meta riedet tkellimha l-Qorti”, qalet l-Ispettur Calleja. Kompliet tgħid ukoll li d-dokument ta’ Galea ma kienx jifforma parti minn dan il-proċess u għalhekk il-kontenut ma kinitx taf x’inhu.

L-Avukat Azzopardi qal li jekk l-affarijiet ma jirriżultawx kif qed tgħid, se jitlob li jittieħdu passi kontra l-Ispettur. F’dan l-istadju, l-Imħallef ġibed l-attenzjoni tal-Avukat Azzopardi biex ma jagħmel l-ebda theddid fil-konfront tax-xhud. L-Avukat Azzoardi staqsa lix-xhud dwar Leanne Camilleri u dwar jekk ipprovatx tikkometti suwiċidju meta kienet tkun tmur l-iskola. Ix-xhud wieġbet li kienet taf li kien hemm problemi, tant li tat xhieda dwarha il-Kap tal-Iskola.

Mistoqsija jekk kinitx infurmat lill-Maġistrat li t-tifla spiċċat għall-kura fl-Isptar Monte Carmeli, l-Ispettur Calleja qalet li kienet taf li kienet Monte Carmeli għal perjodu qasir fl-IPU. L-Avukat fakkar li l-Ispettur ma kinitx qalet b’dan lill-Maġistrat u staqsieha għaliex ma nfurmatx lill-Maġistrat dwar dan. Iżda l-Ispettur qalet li jibqa’ l-fatt li jekk kienet id-Difiża li nfurmat il-Maġistrat, il-Qorti xorta kienet infurmata.

L-Avukat Azzopardi staqsa lill-Ispettur Calleja jekk kinitx taf jekk il-persuna li kienet qed tgħix magħha Leanne, kienx hemm il-periklu li din qed taħkimha. L-Ispettur wieġebet li żammet kuntatt sakemm kien possibbli, madankollu meta marret lura d-dar kienet fuq il-volontà tagħha ma’ persuni li huma familjari tagħha. Dwar il-kartolina għal għeluq sninha li t-tifla kienet bagħtet lil missierha meta suppost kienet qed tiġi abbużata minnu, l-Ispettur Calleja qalet li fl-investigazzjoni fejn jidħlu abbużi, il-vittmi jesprimu ruħhom b’dan il-mod.

“Għalkemm ikunu abbużati ma jfissirx li ma jkunx hemm dawn l-affarijiet. Ikun hemm ċertu emozzjonijiet. Ikun hemm ċertu tip ta’ rabja. Il-verżjoni ta’ Leanne emmintha u għadni nemminha”, qalet l-Ispettur Calleja. L-Avukat staqsieha jekk għadhiex ta’ din l-opinjoni wara dak li ħareġ mill-inkjesta. Hi wieġbet li tħoss li l-ewwel verżjoni ta’ Leanne kienet kredibbli, filwaqt li saħqet li l-akkużi fil-konfront tar-raġel inħarġu fuq dak li rriżulta mill-investigazzjoni. Meta kien qed jaqra dak li qalet it-tifla fil-Qorti lill-Avukat Stefanie Galea, Azzopardi qal li rriżulta li l-istorja tal-istupru, it-tifla kienet ħaditha minn fuq ktieb.

Dwar dak li qal it-tifel Luke lill-Avukat Galea, l-Ispettur qalet li dik kienet kawża Ċivili. Sal-2009 kienu diġà saru n-noti ta’ sottomissjonijiet. Leanne kienet spjegat li waslet s’hemm man-nanniet tagħha biex jagħtuha mobile jekk tgħid li gidbet fuq missierha. Qalet li Leanne qalet dan fit-tieni xhieda tagħha. L-Ispettur qalet li qatt ma opponiet biex issir din ix-xhieda. Qalet ukoll li qatt ma avviċinat lil Leanne biex tibdel il-verżjoni tagħha.

Qalet li oriġinarjament ir-rapport kien wasal mingħand l-Aġenzija Appoġġ. Wara kkonsultat anke mal-Avukat Ġenerali, fejn il-parir kien li toħroġ l-akkużi, kif fil-fatt inħarġu. L-Avukat Azzopardi qal li Leanne kienet intervistata fuq programm li xxandar fuq l-istazzjon tal-istat u skużat ruħha mal-Ispettur Louise Calleja. Dan għaliex hi l-istess persuna li gidbet lill-Uffiċjal Prosekutur. Qal li din hi prova ġdida, li żviluppat wara l-aħħar kawża.

Għalaqstant, saret talba biex it-tifla titla’ tixhed. Il-każ mistenni jkompli fit-23 ta’ Lulju li ġej.