Il-kumpanija Microsoft f’Malta nediet uffiċjalment il-“Microsoft Office 365 for Non-Profits”, frott is-sħubija li din il-kumpaniji multi-nazzjonali għamlet mal-Gvern u l-NGOs fis-snin li għaddew. It-tnedija saret waqt it-tielet NGO Connection Day, imtella’ mill-Microsoft fil-kumpless SkyParks.
Din il-kumpanija multi-nazzjonali dejjem kienet fuq quddiem biex il-prodotti tagħha jkunu aċċessibbli wkoll għaż-żgħażagħ b’opportunitajiet limitati, persuni b’diżabbiltà u anzjani. Barra minhekk, f’dawn is-snin, Microsoft żiedet l-appoġġ ukoll lejn organizzazzjonijiet volontarji ħalli anke dawn jaġġornaw it-teknoloġija tal-informatika b’għotjiet ta’ software.
F’diskors waqt l-attività, il-Ministru Helena Dalli faħħret l-impenn tal-kumpanija, filwaqt li ħeġġet aktar kumpaniji jimxu fuq il-passi tal-Microsoft, fejn tidħol ir-responsabbiltà soċjali, filwaqt li jiżviluppaw programmi għall-beneficcju tas-soċjetà Maltija.
Waqt l-istess attività, grupp ta’ ħames studenti mill-Iskola St Martin’s ippreżentaw idea ta’ proġett, li permezz tiegħu nħolqot app li għandha tgħin lill-organizzazzjonijiet volontarji u persuni nteressati li jagħmlu xogħol volontarju ħalli jsibu lil xulxin fuq Facebook.
//= $special ?>