Qorti

Omm tgħid li minħabba abbuż kellha tibgħat tarbija ta’ ħabiba minflok tagħha għal test tad-DNA

Mara tressqet fil-Qorti tal-Maġistrati u ammettiet li għamlet dikjarazzjoni falza. Hija ammettiet mal-Pulizija li kellha tarbija u ħadet il-pass li tibgħat tarbija ta’ ħabiba tagħha għal test tad-DNA f’każ ta’ kawża ta’ paternita’ fil-Qorti tal-Familja minħabba li kienet qed tiġi abbużata minn membru tal-familja ta’ missier it-tarbija. Madankollu hija m’ammettietx il-każ fil-Qorti.

Il-każ kien dwar mara li weldet tarbija u rreġistratu bħala “missier mhux magħruf”. Madankollu raġel li jidher li kellu relazzjoni sesswali mal-mara, dik li tissejjaħ “one night stand”, fetaħ kawża kontra l-mara fejn ried li d-drittijiet kollha tiegħu jidħlu fis-seħħ u jintiżżel bħala missier it-tarbija.

Meta l-Qorti ordnat it-testijiet tad-DNA, il-mara bagħtet it-tarbija tal-ħabiba tagħha għal dawn it-tests. Minkejja li r-riżultati wrew li r-raġel ma kienx il-missier, huwa xorta baqa’ jemmen li t-tarbija kienet tiegħu u nsista din id-darba li għandha tkun l-omm li toqgħod għat-testijiet biex ikun żgurat jekk it-tarbija u l-omm jaqblux skont id-DNA.

Il-mara kkonvinċiet lil ħabiba tagħha biex tmur minflokha għal dawn it-testijiet iżda hawn l-ufiċjali tal-isptar innutaw li il-firma tal-ħabiba tal-omm kienet differenti minn dik li kellha relazzjoni mar-raġel li għamel it-talba. Il-mara ammettiet li għamlet dikjarazzjoni falza quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke.

L-Ispettur Kyle Borg qalet li waqt l-interogazzjoni l-mara ammettiet li bagħtet lil ħabiba tagħha u t-tarbija għal testijiet tad-DNA. Ingħad li t-testijiet propja saru wara u ġie kkonfermat li min għamel il-kawża huwa missier it-tarbija.

L-omm allegat li membru tal-familja ta’ missier it-tarbija abbuża minnha sesswalment, iżda ma saru l-ebda rapporti lill-Pulizija dwar dan. L-Avukat Michael Tanti Dougall qed jidher għall-omm filwaqt li l-Avukat Ludvig Caruana għal missier. Il-Qorti ordnat biex l-ismijiet tal-partijiet ma jixxandrux.