Lokali

Rebħa meritata għall-Kolombja

KOLOMBJA…………………..2
IVORY COAST……………….1

Kolombja: Ospina, Zapata, Yepes, Sanchez, Armero (Arias 72′), Aguilar (Mejia 79′), Gutierrez, Rodriguez, Cuadrado, Ibarbo (Quintero 52′), Zuniga

Ivory Coast: Barry, Boka, Zokora, Tiote, Gervinho, Bony (Drogba 60′), Gradel (Kalou 67′), Aurier, Yaya Toure, Serey (Bolly 72′), Bamba

Imwissija: Zokora, Tiote (I)
Skurjaw: Rodriguez 64′, Quintero 70′ (K), Gervinho 73′ (I)
Referee: Howard Webb (ING)

Il-Kolombja kisbu rebħa ta’ 2-1 kontra l-Ivory Coast u wieħed jista’ jgħid li kienet rebħa meritata.

Iż-żewġ timijiet kienu ġejjin minn rebħa u b’hekk riedu tliet punti oħra biex jaċċertaw minn post fil-fażi li jmiss. Il-Kolombja sabuha faċli biex rebħu 3-0 kontra l-Greċja filwaqt li l-Ivory Coast wettqu rimonta u għelbu lill-Ġappun 2-1. Għal darba oħra l-attakkant tal-Ivory Coast Didier Drogba beda minn fuq il-bank u daħal jilgħab fit-tieni taqsima.

L-ewwel taqsima kienet waħda kemmxejn monotona fejn iż-żewġ naħat rari kienu perikolużi. L-ewwel ċans tal-partita wasal għand il-Kolombja meta Rodriguez għadda ballun lejn Gutierrez imma x-xutt tiegħu mar barra. Ir-risposta tal-Ivory Coast waslet fil-25 minuta meta Tiote kellu xutt minn barra l-kaxxa imma dan mar ferm għoli. L-akbar ċans tal-ewwel taqsima wasal għand il-Kolombja fit-28 minuta. Rodriguez għamel ħarba mill-aqwa fuq in-naħa tax-xellug u tefa’ coss lejn Gutierrez imma l-awtur tat-tieni gowl fl-ewwel logħba kontra l-Greċja naqas milli jolqot il-ballun tajjeb.

Il-Kolombjani komplew jiddominaw u fl-34 minuta Cuadrado tefa’ cross li sab lil Yepes imma dan ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tmur barra. Aktar ma beda jgħaddi ħin l-Afrikani bdew deħlin fil-logħba u żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima Gradel kellu xutt li ġie imblukkat.
Hekk kif bdiet it-tieni taqsima l-Ivory Coast komplew minn fejn ħallew u l-ewwel ċans wasal għandhom. Fit-52 minuta l-midfielder Yaya Toure kellu free kick li marr ftit barra. Tliet mintui wara Zokora intwra karta safra u b’hekk se jitlef il-logħba li jmiss kontra l-Greċja għax din kienet it-tieni karta safra tiegħu. Mas-57 minuta l-Ivoary Coast kellhom ċans ieħor, din id-darba meta Toure tefa’ cross lejn Bony u dan ipprova jiskurjaw b’rovexxata imma ma laqatx il-ballun.

Mas-siegħa logħob wasal l-akbar ċans għall-Kolombja meta Cuadrado evita żewġ difensuri u spara xutt li kien salvat mill-gowlkiper Barry bil-ballun jaħbat mal-mimduda.

Erba’ minuti wasal l-ewwel gowl tal-logħba meta minn corner RODRIGUEZ għola tajjeb u bir-ras poġġa lill-Kolombja fil-vantaġġ. Mas-70 minuta logħob kollox deher li l-Kolombja kienu se jissiġillaw il-logħba meta QUINTERO skurja t-tieni gowl tat-tim tiegħu. Rodriguez seraq ballun lil Aurier f’nofs il-grawnd u għadda l-ballun lejn Quintero li minn ġewwa l-kaxxa ma żbaljax u għamel l-iskor 2-0.

Tliet minuti wara l-Ivory Coast naqqsu d-distakk meta GERVINHO qabeż żewġ difensuri, daħal fil-kaxxa u b’xutt tajjeb għeleb lil Ospina. Minkejja l-isforzi aħħarin tal-Ivoary Coast ir-riżultat baqa` dak ta’ 2-1 favur il-Kolombja. B’dan ir-riżultat issa l-Kolombja ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar 14-il logħba. Minn naħa tagħhom, l-Ivory Coast, issa jmisshom jilagħbu kontra l-Greċja u jittamaw f’rebħa biex forsi jikkwalifikaw għall-ewwel darba mill-fażi tal-gruppi tat-Tazza tad-Dinja.