Lokali

Riesaq lejn tmiemu l-iżvilupp tal-Pixkerija l-ġdida

Riesaq lejn tmiemu l-iżvilupp tal-binja l-ġdida tal-Pixkerija fis-sit tal-eks impjant tar-Reverse Osmosis f’Albert Town, il-Marsa. Is-Segretarji Parlamentari Roderick Galdes u Ian Borg żaru x-xogħolijiet li qed isiru fuq is-suq il-ġdid tal-ħut. Dan hu progett b’investiment ta’ kważi €4 miljun u l-ħidma fuqu bdiet fl-2012 bl-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.

Il-binja hi mifruxa fuq żewġ sulari, b’dak ta’ isfel jintuża’ fejn jidħol u jiġi rkantat il-ħut, filwaqt li dak ta’ fuq iservi għall-ipproċessar tal-ħut, fejn kull sajjied se jkollu chiller għalih.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Animali Roderick Galdes qal l-Pixkerija ġdida hi essenzjali għax dik l-antika issa ilha taħdem ‘il fuq minn 100 sena.

Galdes qal li l-Gvern irnexxielu jiffacċja l-problemi infrastrutturali li sab quddiem wiċċu. Issa li l-qofol tal-binja kważi lesta, Galdes qal li l-Gvern se joħroġ sejħa għall-interess biex fl-ewwel sular tal-Pixkerija l-ġdida jsir impjant ġdid tal-proċessar tal-ħut. Is-Segretarju Parlamentari qal li Malta kisbet fondi sostanzjali għal dan l-izvillupp fil-qasam tas-sajd u li permezz ta’ dawn il-flus hemm aktar lok fejn tista’ tiżviluppa din l-industrija. Mistoqsi kemm se jdum biex jitlesta dan il-proġett, Galdes ma tax dati speċifiċi.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari responsabli għall-Fondi Ewropej Ian Borg qal li dan il-proġett kien sfida u li kien hemm bosta problemi tul l-aħħar snin. Madankollu, issa dawn ġew megħluba u solvuti. Hu rrikonoxxa x-xogħol siewi li qed jagħmel id-Dipartiment tas-Sajd, filwaqt li qal li sal-2020 il-fondi tal-UE issa żdiedu minn €14-il miljun għal €22 miljun.

Borg qal li permezz ta’ dawn il-fondi, hemm ippjanat li jinbena breakwater ġdid f’Marsaxlokk u li permezz ta’ dawn il-fondi se jkompli jissaħħaħ l-istudju marittimu. Semma’ wkoll il-proġett maritimu li hemm ippjanat għall-inħawi tal-Veċċja f’San Pawl il-Baħar. Permezz ta’ dawn il-fondi, qal Borg, il-kwalità tal-esportazzjoni Maltija fil-qasam tas-sajd hi mistennija togħla u għalkemm dan hu settur żgħir, xorta waħda hu b’saħħtu.

Ian Borg qal li l-proġett tal-impjant il-ġdid tal-proċessar tal-ħut se jġib aktar potenzjal f’din l-industrija u lejn is-suq tas-sajd Malti. Hu għalaq billi qal li permezz ta’ dawn il-fondi Malta se tkun minn ta’ quddiem, jekk mhux l-ewwel fil-qasam tas-sajd, filwaqt li appella għal aktar investiment f’dan il-qasam.