Qorti

Tiżdied akkuża ta’ serq ta’ dawl lil wieħed mill-akkużati fil-każ dwar it-tbagħbis fl-ismart metres

Il-Prosekuzzjoni żiedet akkuża oħra fil-konfront ta’ Anthony Pace, ta’ 43 sena mill-Mosta, li qed jiġi mixli li ffroda lill-Korporazzjoni Enemalta fuq tbagħbis fl-ismart metres, fejn qed jiġi allegat li nstalla smart metres li kienu mbagħbsa bil-għan li jaqraw anqas konsum. Fuq talba tal-Enemalta, l-akkuża miżjuda tgħid li Pace kellu wkoll smart meter imbagaħbas id-dar u għalhekk allegatament kien qed jisraq id-dawl għad-dannu tal-Enemalta. Hu qed jiġi mixli wkoll li aċċetta flus biex iwettaq dan ir-reat u għalhekk ġie mixli bi frodi fil-konfront tal-Enemalta.

Xhud important f’dan il-każ kien Emmanuel Zammit, li kien diġà mitkellem mill-uffiċjali tal-Enemalta dwar smart meter fil-Mellieħa. Dwar dan il-meter, qal li kien hemm raġel li kien iltaqa’ miegħu San Pawl il-Baħar u qallu dwar id-dawl u l-ilma u li kellu smart metres jaqraw il-konsum anqas u li jista’ jwaħħallu wieħed. Qal li reġa’ ltaqa’ miegħu f’ħanut tat-té f’Attard u qallu kif ikun il-mument opportun seta’ jirranġalu xi ħaġa.

Tenna li kien ċempillu biex imur iwaħħallu l-ismart meter u qallu li ma kienx id-dar, iżda kien hemm il-mara tiegħu. Qal li kien talbu ftit aktar minn €2,000 u ma tahomlux mill-ewwel għax ried jara jekk hux veru kien jaqra’ konsum anqas. Meta kkonferma, tah il-flus.

Wara, xehed Emmanuel Zammit, li qal li hu residenti San Pawl il-Baħar. Qal li kien ikkomunika mal-Enemalta li kellu smart meter imbagħbas. Zammit qal li jiftakar li kien iltaqa’ ma wieħed fih raġel u ruxxan, xagħru fil-kanella li qed jiħfieflu u għajnejh ċelesti. Tenna li kien iltaqa’ ma’ dan ir-raġel fuq il-moll fejn id-dgħajjes f’San Pawl il-Baħar u bdew iparlaw. Kien hawn li qallu jiffrankalu l-konsum. Ma kienx qallu x’jaħdem u nesa x’kien jismu. Mistoqsi jekk kienx qed jara lill-akkużat fl-Awla, Zammit qal li le.

Wara diversi mistoqsijiet mill-Prosekuzzjoni u mill-Qorti, Zammit qal li kien qed jiftakar li sa fejn jaf hu dak li kien tkellem miegħu jismu Anthony. Qal li meta mar l-Enemalta, dawn urewh disa’ ritratti u tnejn minnhom kienu rġiel ruxxana, iżda dak li għaraf ma kienx twil daqshekk. Ix-xhud qal li mir-ritratt ra li kien hu iżda fiżikament ma kienx hu. Il-Maġistrat Carol Peralta widdeb lix-xhud u qallu li jekk il-Qorti taħseb li qed tigdeb, tista’ tordna investigazzjoni u jeħel il-ħabs jekk instab ħati.

L-Ispettur Daniel Zammit qal lill-Qorti li kien se jitkellem mal-Avukat biex jivverifika u jara jekk kienx se jkun hemm dikjarazzjoni li dan ix-xhud hu wieħed ostili. L-Avukat Arthur Azzopardi, li qed jidher għall-akkużat, qal li anke l-Avukat tax-xhud ikkonferma li dak li kien qed jixhed fil-Qorti xehdu quddiem il-Korporazzjoni Enemalta. L-Avukat Azzopardi qal li r-raġel kien indeċiż mill-bidu, meta ra r-ritratti fl-Enemalta, u issa jinsab indeċiż ukoll. Għalhekk, m’hemm xejn kontradittorju. Kien l-uffiċjal tal-Enemalta Eric Montfort li ppreżenta kopja ta’ kwerela u għalhekk żdiedet l-akkuża ġdida li bagħbas fid-dawl.

L-Avukat Azzopardi talab ukoll ix-xhieda ta’ Emmanuel Zammit lill-Korporazzjoni Enemala, li fiha qed jgħid l-istess affarijiet. L-Ispettur Daniel Zammit ma sabx oġġezzjoni u għadda kopja lill-Avukat. Id-Difiża lmentat ukoll mill-fatt li l-uffiċjali tal-HSBC ma kienux preżenti għal dan il-każ, minkejja l-ordni tal-Qorti. Dan il-komportament min-naħa tal-bank qed ikun wieħed kontinwu, qal l-Avukat Difensur. Tenna li mhux talli l-bank mhux qed iħallu lill-akkużat jiġbed nofs il-paga, iżda fl-istess nifs iċemplulu fuq self li għandu biex iħallas.

Il-Qorti qalet li l-bank għandu jispjega għaliex minkejja li ssejjħu tliet darbiet baqgħu ma dehrux. Il-Maġistrat Peralta qal li jekk it-Tlieta li ġej, meta jitkompla l-każ, l-uffiċjali jew it-tim legali tal-bank jerġgħu jkunu assenti, se jittieħdu l-provvedimenti kollha xierqa kontra tagħhom skont il-Liġi.

Sadanittant, xehed ukoll Saviour Sammut, li qal li kien ħallas €1,200 lil Anthony Pace, li kien qed jagħraf fl-Awla. Tenna li kien ħallsu fil-pront u li l-ismart meter kien ilu mwaħħal fir-residenza xi sena. Qal li l-konsum kien naqas u ma jafx jekk kienx hemm aktar persuni nvoluti mal-akkużat.