Aħbarijiet mill-gżira Għawdxija
Diżappunt fost l-Għawdxin, hekk kif l-attività “Lejlet Lapsi – Notte Gozitana”, li kienet saret parti mill-kalendarju kulturali Għawdxi, din is-sena ma saritx. Lejlet Lapsi kienet tkun attività mifruxa fuq tlett ijiem, li tiċċelebra l-kultura u l-identità Għawdxija. Din kien ilha tiġi organizzata għal seba’ snin sħaħ mill-Ministeru għal Għawdex, bl-aħħar edizzjoni saret bejn l-10 u t-12 ta’ Mejju 2013. Madankollu, issa jidher li l-Gvern iddeċieda li din ma ssirx, almenu din is-sena żgur, filwaqt li mhux magħruf x’se jiġri fis-snin li ġejjin.
L-aħbar li l-Ministeru għal Għawdex għażel li ma jtellax dan l-avveniment kulturali, li kien ikun mistenni kull sena u li kien jattira ħafna Maltin lejn Għawdex, kienet ikkonfermata mill-Ministru għal Ghawdex Anton Refalo nnifsu, li wieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said. Ir-raġuni li Anton Refalo ta hi li se jkunu qed isiru attivitajiet oħra f’Għawdex.
Abbandunati l-pjani ta’ skema ta’ priority boarding għall-Gozo
Jirriżulta li wara r-rabja li kien hemm fost l-Għawdxin, partikolarment fost numru ta’ NGOs li kienu qed joġġezzjonaw b’qawwa għaliha, il-pjani ta’ skema ta’ priority boarding għall-Gozo Channel issa ġew abbandunati. Skont rapport fil-ġurnal The Times of Malta, l-iskema ġiet annullata wara ordnijiet minn Kastilja.
Il-Ministru għal Għawdex ma jridx jikkummenta dwar dan, minkejja li l-ġurnalisti ta’ The Times ilhom jiġru warajh. Il-ġurnal fakkar li fost dawk li kkritikaw din l-iskema, li kienet se tfisser żieda fil-noll tal-Gozo Channel biex dak li jkun jaqbeż il-kju, kien hemm l-eks Deputat Laburista Għawdxi Lino Debono li kien kiteb li din tmur kontra l-prinċipji suppost Soċjalisti tal-Gvern Laburista.
Il-magażin “Let’s Gozo” ma baqax jiġi ppubblikat
Fl-aħħar xhur, kienu ħafna dawk li staqsew x’sar minnu l-magażin “Let’s Gozo”, li hu ffukat kollu fuq l-istil tal-ħajja, il-kultura, l-istorja u l-ġmiel tal-gżira ta’ Għawdex. Dan kien jitqassam ma’ The Sunday Times u seta’ jinqara minn aktar minn 39,000 persuna. Ir-risposta li ngħataw dawk li staqsew kienet li ttieħdet id-deċiżjoni li dan il-magażin ma jibqax jiġi ppubblikat.
Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li l-kuntratt għal dan il-magażin skada u ma ġiex imġedded. L-aħħar edizzjoni tiegħu kienet ippubblikata f’April 2013. Il-magażin, xogħol l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex (GTA) b’arranġament mal-Ministeru għal Għawdex kull tliet xhur, kien iservi ta’ vetrina għal dak kollu li għandha x’toffri l-gżira tat-tliet għoljiet.