Ekonomija Lokali

Żvelati d-disinji inizjali għall-Business Park tas-Simonds Farsons Cisk

Il-Grupp Simonds Farsons Cisk żvela d-disinji inizjali ta’ proġett ġdid li permezz tiegħu l-Brewhouse l-Antika u s-swali l-antiki tal-ippakkeġġjar fl-Imrieħel se jinbidlu f’Business Park. Id-disinn kien żvelat miċ-Chairman tal-Grupp Louis Farrugia meta lbieraħ filgħaxija ndirizza l-Laqgha Ġenerali Annwali għall-Azzjonisti.

Louis Farrugia qal li l-Grupp kien ilu diversi snin jaħdem fuq din il-viżjoni biex jinstab użu ġdid għal dawn il-binjiet ikoniċi. Qal li dan il-Business Park se jittrasforma l-inħawi tal-Imrieħel. Il-Business Park se jkun fih 50,000 metru kwadru ta’ uffiċċji, kif ukoll ħwienet kummerċjali u faċilitajiet ta’ divertiment, kulturali u soċjali.

Il-Brewhouse l-antika se tinbidel f’ristoranti, bars u spazju għal avvenimenti bil-proġett hu fdat f’idejn il-kumpanija internazzjonali Ian Ritchie Architects bl-għajnuna tal-kumpanija Maltija TBA Periti. Dan minbarra x-xogħol li għadu għaddej fil-faċilità ġdida tal-ippakkeġġjar, b’investiment ta’ €27 miljun u li għandu jitlesta f’April 2016.

Matul il-Laqgħa Ġenerali Annwali ġie rappurtat li matul is-sena finanzjarja li ntemmet f’Jannar, il-Grupp għamel qliegħ qabel it-taxxa ta’ kważi €7 miljun jew żieda ta’ aktar minn 6% fuq is-sena ta’ qabel.