Qorti

Aktar minn 11-il sena ħabs għal erba’ Eġizzjani fuq traffikar ta’ persuni

Erba’ Eġizzjani ngħataw sentenza ta’ 11-il sena u sitt xhur priġunerija bejniethom wara li ammettew, minflok għaddew ġuri, l-involviment tagħhom fi traffikar ta’ persuni minn u lejn Malta. Mohamed Mosaad Sadek Abou Hegazy, Abdou Mohamed Elsayed Elbahlawan, Mohamed Saleh Abouelmaatty Barakat u Mohamed Ahmed Mohamed Elrawady ammettew li fil-11 ta’ Marzu 2013 u fil-jiem ta’ qabel, bil-ħsieb li jagħmlu qligħ, assistew persuni oħrajn biex jidħlu jew joħorġu minn Malta.

Kemm l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, kif ukoll l-Avukat Arthur Azzopardi li deher għalihom, qablu li Hegazy għandu jiġi kkundannat erba’ snin, filwaqt li t-tlieta l-oħra marru sentejn u nofs kull wieħed. L-Imħallef Michael Mallia laqa’ t-talba tagħhom u kkundanna lill-erba’ Eġizzjani l-piena mitluba għalkemm ma ħax deċiżjoni dwar il-konfiska tad-dgħajsa “Liberty V” minħabba li din mhix proprjetà tagħhom iżda ta’ ċertu Martin Cachia, li fil-konfront tiegħu wkoll għaddejjin proċeduri fil-Qrati ta’ Malta.

L-investigazzjoni tal-Pulizija f’dan il-każ tmexxew mill-Ispettur Mario Haber.