Il-Kardjoloġista u Deputat Nazzjonalista Albert Fenech ippreżenta protest fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne wara li dan ġie mġiegħel jaqleb għal xogħol part-time. Il-protest jgħid li hu ġie sfurzat jaħdem “xogħol prekarju” u bi ksur tal-policy tal-Gvern.
Il-protest, li sar ukoll kontra s-Segretarju Permanenti tas-Saħħa u l-Kap Eżekuttiv ta’ l-Isptar Mater Dei, Prof Fenech qal li hu ilu jipprovdi servizz full-time għal aktar minn 18-il sena b’eċċezzjoni għal jum wieħed minħabba każ tekniku. Hu qal li minn dejjem ta servizz ta’ valur fl-interessi tal-pazjenti li rieduh ikompli jservihom fuq bażi full-time.
Fil-protest tiegħu, iffirmat mill-Avukat Andrew Borg Cardona, id-Deputat Nazzjonalista qal li fuq l-iskuża li issa wasal għal età tal-pensjoni, u wara li l-Gvern injora l-fatt li laħaq din l-età snin ilu u xorta baqa’ fis-servizz anke wara li skadielu l-kuntratt, issa qed jiġi mġiegħel jaħdem 20 siegħa fil-ġimgħa.
Fenech qal li dan ifisser li issa qed jinkisrulu d-drittijiet tiegħu fil-kuntest ta’ xogħol prekarju. Qal ukoll li jemmen li dan kollu sar bl-iskop li jitbaxxielu l-moral u biex ikun jista’ jikkunsidra jirtira kompletament, filwaqt li sostna li jista’ jkun ukoll li dan kollu sar minħabba l-involviment politiku tiegħu.
Fil-protest tiegħu, Prof Fenech talab lill-Qorti biex tordna li jerġa’ jitpoġġa kif kien qabel, jiġifieri jerġa’ jiddaħħal full-time fi żmien ġimgħa.
//= $special ?>