Wara li Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea 10 snin ilu, l-ivvjaġġar bejn Malta u Brussell żdied b’rata mgħaġġla ħafna. Dan hekk kif illum fil-Belġju jgħixu 625 familja Maltija u fil-Lussemburgu jgħixu 125 familja, b’ħafna minn dawn il-Maltin jaħdmu fl-istituzzjonijiet tal-UE. Kien għalhekk li fl-aħħar snin inħass aktar il-bżonn li jiżdied is-servizz tal-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi biex issa, minbarra l-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta, żdiedet il-Brussels Airlines.
Din qed tħaddem żewġ titjiriet fil-ġimgħa fuq din ir-rotta, biex issa b’kollox qed isiru disa’ titjiriet fil-ġimgħa bejn Malta u Brussell. L-ewwel titjira ta’ Brussels Airlines waslet Malta llum kmieni waranofsinhar. Fuqha kien hemm 138 passiġġier, fosthom numru ta’ Maltin u turisti, inkluż turisti Amerikani li ġew f’Malta via Brussell. Preżenti wkoll l-Ambaxxatur ta’ Malta fil-Belġju Ray Azzopardi, flimkien mal-Viċi President tal-Komunikazzjoni ta’ Brussels Airlines Geert Sciot. Il-passiggieri ntlaqghu bil-mużika Maltija u anke ngħataw fjura kull wieħed u anke xi ikel minn persuni lebsin kostumi tradizzjonali Maltin.
Geert Sciot qal li Brussels Airlines se tgħin biex ikun faċilitat l-ivvjaġġar bejn Malta u Brussell u viċi-versa. Minn dan l-iżvilupp, se jgawdu kemm il-Maltin kif ukoll l-industrija tat-turiżmu f’Malta. Hu spjega li Brussels Airlines hi sieħba tal-Air Malta u t-titjiriet bejn iż-żewġ pajjiżi se jsiru kull nhar ta’ Ġimgħa u Ħadd. Sciot qal li din ir-rotta hi eżempju tal-impenn ta’ Brussels Airlines lejn Malta. Hu fakkar li Brussels Airlines tuża’ wkoll il-faċilitajiet ta’ Lufthansa Technic Malta għall-manutenzjoni tal-flotta tagħha, tant li din is-sena 15-il ajruplan ta’ Brussels Airlines żaru Malta għal xogħol ta’ manutenzjoni.
//= $special ?>