Ftit aktar minn sena ilu, il-poplu Malti vvota għall-wegħdi prinċipali tal-Partit Laburista li kienu wegħdi tajbin fihom infushom li magħhom jaqbel kulħadd. Wegħda prinċipali bbażata fuq trepied: it-tliet wegħdi tat-trasparenza, l-accountability u l-meritokrazija jżommu fuqhom il-wegħda ewlenija ta’ Malta tagħna lkoll.
Dal-wegħdi llum saru ċajta u kull ġimgħa kemm tqalleb ftit il-gazzetti u tara l-fatti li huma l-eżempji diversi tal-ksur tagħhom.
Segretezza u ħabi
Ħu s-segretezza. Dil-ġimgħa kellna lill-Gvern jaħrab għalkollox milli jwieġeb mistoqsijiet anke bażiċi tal-Oppożizzjoni u tal-media dwar il-kuntratt li għandu ma’ Henley & Partners, x’tip ta’ nies qed japplikaw biex jixtru ċ-ċittadinanza, minn liema pajjiżi ġejjin, kemm verament huma, fejn huma l-flus li ħallsu. Flok trasparenza, Henley taħbi u l-Gvern Laburista jaħbi aktar minnha.
Tal-qalba jaħtfu
Ħu l-mod kif tal-qalba jaħtfu. Aktar ħatriet fl-armata li fihom tal-qalba x’qed jaħtfu hu l-flus li aħna lkoll inħallsu f’taxxi, u dan f’korp essenzjali għall-istat li suppost jiddefendi lilna lkoll imma li sar biss każin tan-nies tal-qalba. Flok meritokrazija, it-tmexxija bil-mertu, x’insejħulha din? bażużlokrazija? it-tmexxija tal-bażużli.
L-ebda responsabbiltà
Ħu l-irreponsabbiltà. Suppost min imexxi jagħti kont t’għemilu. Imma l-ebda kont tar-rabtiet li l-Labour kellu ma’ Henley sa minn qabel l-elezzjoni ġenerali. L-ebda kont ta’ kif Imħallef tħalla jaħrab minn għemilu.
Maħfra ta’ serq u tixħim
L-ebda responsabbiltà minn Ministru u eks kap eżekuttiv tal-Labour li telgħu jitħaddtu huma personali ma’ kumpanija barranija biex jagħtuha kuntratt kbir. L-ebda kont tal-ħut il-kbir li ħa maħfra wara li xaħħam u seraq miljuni ta’ ewro f’serqa organizzata minn nies magħrufa ħafna fl-EneMalta.
Diżugwaljanza bix-xiri
Ħu d-diżugwaljanza. Gvern li ħareġ hu bl-idea li tħallas biex taqbeż il-kju tal-vapur t’Għawdex. L-idea nnifisha, anke jekk ma titwettaqx, hi waħda ta’ diżugwaljanza kbira. Apparti li, hekk jew hekk, kemm iċċempel lill-Kumissarju tal-Pulizija u taqbeż il-kju, u jekk tħebb għal xi ħadd iċċempel lil xi ħadd u l-akkużi jaqgħu qisu xejn.
Malta ta’ diżugwaljanza; diżugwaljanza li qiegħda fuq it-trepied tal-ħabi, tan-nuqqas ta’ responsabbiltà u tat-tmexxija ta’ nies tal-qalba a skapitu tal-bqija tan-nies.
//= $special ?>