Fil-Jum Dinji tar-Refuġjati, li jiġi mfakkar bħal-lum l-20 ta’ Ġunju, it-Taqsima Refuġjati tal-Kummissjoni Emigranti tħoss li għandha tfakkar li element partikolarment inkwetanti tal-fenomenu tal-migrazzjoni fil-Mediterran bħalissa huma l-eluf kbar ta’ Sirjani li qed ikollhom jaħarbu mill-kunflitt li għadu għaddej f’arthom.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni qalet li issa l-gwerra fis-Sirja ilha sejra tliet snin u l-għadd ta’ refuġjati Sirjani reġistrati f’artijiet oħrajn qorob it-tliet miljun. In-numru għadu jiżdied b’aktar minn 100,000 kull xahar, fosthom bosta tfal, nisa u anzjani. Il-Kummissjoni Emigranti, li għandha aktar minn 40 sena esperjenza fil-qasam tal-protezzjoni u l-għajnuna umanitarja lir-refuġjati, qalet li tinsab f’kuntatt dirett mar-refuġjati Sirjani li jinsabu Malta.
Il-Kummissjoni qalet li taf sew minn xhiex għaddew dawn is-Sirjani li sabu kenn f’pajjiżna u anke kemm huma kbar il-problemi tagħhom kaġun ta’ qraba mejtin jew mitlufin, kif ukoll ta’ qraba oħrajn maqbudin f’postijiet ta’ periklu minn fejn ma jistgħux joħorġu jew huma mferrxin f’pajjiżi differenti, apparti li tilfu kulma kellhom u tbatijiet oħrajn.
Il-Kummissjoni appellat lill-Maltin kollha biex nibqgħu attenti li ma jiġrilniex li nidraw il-kriżi Sirjana u forsi nibdew ninsew il-vittmi tagħha. Il-kunflitt għadu jikkaġuna ħafna mwiet, korrimenti u tbatija. Il-kundizzjonijiet tal-gwerra għadhom jikkawżaw ukoll ħafna ġuħ u mard. Jista’ jkun li ċerti nies fi nħawi diversi tad-dinja diġà saru indifferenti għat-traġedja tal-poplu Sirjan. Jagħmel sew pajjiżna jekk isemma’ leħnu bil-qawwa kollha kontra din l-indifferenza, ittemm tghid l-istqarrija.
Mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn, 50 miljun ħarbu minn pajjiżhom minħabba gwerer – il-UNHCR
Rapport li ħareġ l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR) propju f’dan il-jum jgħid li għall-ewwel darba sa mit-Tieni Gwerra Dinjija, in-numru ta’ persuni li kienu mġiegħla jħallu djarhom minħabba l-gwerer f’pajjiżi differenti qabeż il-50 miljun persuna. Matul l-2013 kien hemm żieda ta’ 6 miljun persuna fuq l-2012, anke f’dan il-każ ir-raġuni ewlenija kienet il-gwerra fis-Sirja.
Żieda ta’ 6.2% fl-immigranti rregolari f’pajjiżna matul l-2013 – l-NSO
Skont statistika oħra, din id-darba maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), is-sena li għaddiet waslu f’pajjiżna ftit aktar minn 2,000 immigrant irregolari fuq 24 dgħajsa. Dan ifisser żieda ta’ 6.2% fuq is-sena ta’ qabel u din hi l-ogħla ċifra mill-2008 ‘l hawn. Kważi nofs l-immigranti waslu f’Lulju u kienu mis-Somalja, filwaqt li kwart ieħor tal-immigranti li waslu fl-2013 huma mill-Eritrea.
Matul l-2013, l-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Refuġjati ressaq 2,246 applikazzjoni ġdida f’isem immigranti rregolari għal protezzjoni internazzjonali. Dan ifisser żieda ta’ 8% fuq l-2012, b’nofs dawn l-applikanti kienu rġiel ta’ bejn it-18 u t-34 sena. Kien hemm tnaqqis ta’ 14% fuq ir-residenti li ġew reġistrati f’Ċentri Miftuħa, bil-maġġorparti (72%) ta’ dawn qed joqgħodu fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, segwit minn dak tal-Marsa.
Matul l-2013, madwar 2,500 persuna kienu qed jgħixu f’pajjiżna rregolarment. Dan ifisser żieda ta’ 8% fuq is-sena ta’ qabel. Madwar 83% kienu minn pajjiżi Afrikani, filwaqt li madwar 14% huma Asjatiċi. Minn dawn, 460 persuni ntbagħtu lura fil-pajjiż oriġinali li ġew minnu, ħafna minnhom il-Libja.
Appell lill-Gvern għal miżuri konkreti b’risq immigranti minorenni – l-Aditus
Fi stqarrija oħra fl-okkażjoni ta’ dan il-Jum, il-Fondazzjoni Aditus ikkwotat lil Farah Abdallahi Abdi, tfajjel immigrant li kien miżmum f’detenzjoni f’Malta, li waqt konferenza f’Ġinevra ddeskriva l-esperjenza li għadda minnha bħala waħda tramwatika u ta’ inġustizzja. L-Aditus ħarġet din l-istqarrija f’isem disa’ NGOs Maltin li b’xi mod jahdmu mal-immigranti.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-NGOs appellaw lill-Gvern Malti biex jippratika dak li jgħid u jieħu miżuri konkreti ħalli qatt aktar ma jkollna tfal immigranti f’ċentri ta’ detenzjoni f’pajjiżna. Huma fakkru fil-wegħda tal-Prim Ministru li saret f’Jum il-Ħelsien, li tintemm id-detenzjoni tat-tfal f’Malta. Madankollu, sostnew li immigranti minorenni li qed jaslu f’pajjiżna xorta għadhom qed jinżammu msakkrin f’dawn iċ-Ċentri.
L-NGOs appellaw ukoll lill-Maltin biex jiffirmaw il-petizzjoni li qed tiġi ċirkolata bħalissa fuq livell Ewropew bħala turija ta’ appoġġ lill-kważi tliet miljun refuġjat li ħarbu mis-Sirja. S’issa, minn Malta ffirmaw din il-petizzjoni 21 persuna biss u d-data tal-għeluq hi llum.
//= $special ?>