L-investigaturi fil-każ tas-sejba tan-nisa Ġermaniżi u t-tfal tagħhom f’Marsalforn Għawdex, li kienu rappurtati nieqsa fil-Ġermanja, ma jidhirx li qed jikkunsidraw dan il-każ bħala wieħed ta’ ħtif ta’ tfal. Tagħrif li wasal mill-awtoritajiet Ġermaniżi, li magħhom qed taħdem mill-qrib il-Pulizija Maltija f’dan il-każ, jgħid li ż-żewġ ommijiet ħarbu mill-Ġermanja mat-tfal tagħhom, li kienu taħt care order. Dan għax beżgħu li jeħodhomlhom l-Istat minħabba li huma jinsabu taħt ordni ta’ probation.
Għadu mhux ċar jekk kienx hemm ordni biex it-tfal ma jħallux il-Ġermanja, bil-Pulizija Maltija għadha qed tipprova tiskopri aktar dwar dan. Il-Pulizija Maltija skopriet dan il-każ b’kumbinazzjoni, wara li f’Marsalforn kien hemm tifel li deher li seta’ kellu bżonn l-assistenza peress li kien miexi waħdu. Malli nstab it-tifel, li rriżulta li kien Ġermaniż, wara aktar stħarriġ mill-Pulizija, kien stabbilit li dan kien qed jgħix ma’ tfal oħra f’appartament f’Marsalforn stess flimkien ma’ ommijiethom. Bħalu dawn ukoll kienu rappurtati neqsin mill-awtoritajiet Ġermaniżi.
Għall-bidu kien qed jingħad li t-tfal kienu rappurtati neqsin mill-missirijiet tagħhom fil-Ġermanja. Omm it-tifel li nstab waħdu, Sabrina Albrecht ta’ 30 sena, ilbieraħ filgħodu tressqet quddiem il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri fil-Qorti ta’ Għawdex. Hi kienet mixlija li abbandunat lil binha, li għalaq erba’ snin proprju fl-istess ġurnata. L-omm inżammet arrestata.
//= $special ?>