Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) feraħ lill-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN Ann Fenech, li ġiet eletta f’Hamburg bħala waħda mit-tmien Kunsillieri fil-Kunsill Eżekuttiv tal-Kumitat Marittmu Internazzjonali, kif ukoll membru tal-Board of Trustees taċ-Charitable Trust fl-istess Kumitat.
Ir-rwol ta’ Ann Fenech f’din l-organizzazzjoni internazzjonali se jkun wieħed sinjifikanti għal pajjiżna minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħna u għax ħafna mill-Konvenzjonijiet Marittimi li fasslet din l-NGO mwaqqfa fil-Belġju jaffettwaw lil Malta. Fuq il-Board of Trustees taċ-Charitable Trust, Fenech se tkun qed tgħin fl-amministrazzjoni tal-fondi li jintużaw għall-avvanz tal-edukazzjoni legali u l-promozzjoni ta’ riċerka u studju f’dan il-qasam.
Il-MNPN qal fi stqarrija li dawn il-karigi ġodda ta’ Ann Fenech, li għall-ewwel darba ngħataw lil persuna Maltija, jagħmlu unur kbir lilha mil-lat personali, kif ukoll lill-amministrazzjoni tal-PN li dejjem għarfet u apprezzat il-kapaċitajiet kbar tagħha.
Ann Fenech, li hi Managing Partner ta’ Fenech and Fenech Advocates, ilha tipprattika l-Liġi Marittima għal dawn l-aħħar 28 sena u hi wkoll il-President tal-Malta Maritime Law Association.
//= $special ?>