Futbol Għawdex Qorti Sport

Il-Qorti tal-Appell tikkonferma sentenza sospiża fil-konfront tal-President tal-GFA

Sentenza ta’ ħames xhur ħabs sospiżi għal sentejn, li weħel il-President tal-Gozo Football Association (GFA) Alvin Grech (ritratt) b’rabta ma’ ffalsifikar ta’ dokument, ġiet konfermata mill-Qorti tal-Appell. Il-każ imur lura għall-2007, meta l-GFA kienet qed tinstalla sistema tad-dawl fil-Gozo Stadium fix-Xewkija.

Għalkemm, skont il-permess tal-MEPA, il-pilastri kellhom ikunu nstallati f’kull rokna tal-grawnd, xi ħadd mill-GFA ddeċieda li tnejn minnhom ikunu installati ‘l barra mill-pitch. Ir-raġuni li ngħatat kienet li waħda mill-istrutturi kellha tkopri reklam ta’ kumpanija tat-telefonija fuq ġewwa tal-grawnd.

Ronald Vella, Inġinier responsabbli mill-proġett, xehed fil-Qorti li Alvin Grech, li dak iż-żmien kien is-Segretarju Ġenerali tal-GFA, ordnalu jressaq iż-żewġ strutturi ‘l barra. Vella qal li hu ma qabilx ma’ Grech u kien kiteb lill-MEPA biex jiġġustifika d-diverġenza mill-kundizzjonijiet tal-permess.

Aktar tard, Ronald Vella kien sar jaf li l-MEPA kienet irċeviet ittra bil-firma tiegħu. Sussegwentament, hu ghamel rapport lill-Pulizija u kien stabbilit li l-firma tal-Inġinier kienet iffalsifikata u li Alvin Grech kien ħa l-ittra personalment għand il-MEPA.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti nnutat li ma kien hemm ebda evidenza li Alvin Grech iffalsifika l-ittra hu stess, minkejja li kienet moralment konvinta li hu kien ta struzzjonijiet dwar x’kellu jinkiteb. F’Marzu 2013, il-Qorti kkonkludiet li Alvin Grech, gradwat fl-IT, kien jaf biċ-ċert li l-ittra kienet iffalsifikata meta ħa l-ittra fl-Uffiċċju tal-MEPA fir-Rabat Għawdex.

Għaldaqstant, Alvin Grech kien ikkundannat għal ħames xhur ħabs sospiżi għal sentejn. Grech appella mis-sentenza, iżda l-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri, ikkonfermatha fit-totalità tagħha.