L-esperjenzi ta’ qtigħ-il qalb, ta’ tensjoni, ta’ biżgħa kif ukoll oħrajn sbieħ ta’ tama u ta’ ħajja ġdida kienu rakkontati minn numru ta’ refuġjati li kienu preżenti waqt konferenza organizzata mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati – il-UNHCR fl-okkażżoni tal-Jum Dinji għar-Refuġjati li tfakkar il-Ġimgħa. Il-konferenza saret fil-Mużew Marittimu, il-Birgu.
Matul din l-attivita’, ingħata tagħrif u ġiet ippreżentata riċerka li saret dwar il-vjaġġi perikolużi li jgħaddu minnhom ir-refuġjati u l-immigranti irregolari meta jsibu ruħhom fil-Libja biex, fl-aħħar mill-aħħar, ifittxu ġejjieni aħjar fl-Ewropa.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili Helena Dalli fissret kif illum hemm djalogu miftuħ mal-UNHCR u Malta qed timxi ‘l quddiem fil-qasam tal-integrazzjoni mal-immigranti – integrazzjoni li mistennija jkollha impatt pożittiv fuq ħajjet ir-refuġjati f’Malta.
Hi saħqet li r-refuġjati fostna m’humiex hawn fuq għażla tagħhom iżda għax il-mexxejja ta’ pajjiżhom fallewhom. Dawn in-nies jiġu minn żoni ta’ gwerra u kunflitt u minn pajjiżi foqra fid-dinja, jew inkella huma vittmi ta’ inkwiet etniku jew diskriminazzjoni severa, u b’hekk m’għandhom ebda għazla iżda jippruvaw biex iħallu ‘l art twelidhom.
Il-Ministru Dalli qalet li l-komunita’ internazzjonali trid tistinka iżjed fejn qed jitwettqu l-atroċitajiet, fejn in-nies huma mgiegħla jaħarbu minn djarhom għax ma jistgħux jagħmlu mod ieħor.
Malta se tibqa’ impenjata billi tkompli ssalva lin-nies minn ħalq il-mewt f’nofs ta’ baħar u tagħtihom protezzjoni internazzjonali skont kif hu meħtieġ. Il-gvern Malti se jisħaq biex isaħħaħ id-djalogu mal-Unjoni Ewropea, abbażi tal-prinċipji tas-solidarjeta’.
Il-Ministru Dalli sostniet li l-integrazzjoni trid tkun proċess dinamiku u reċiproku, u żiedet li wieħed ma jistax jirrispondi għas-sitwazzjoni tar-refuġjati b’mod adekwat, jekk ma jismax l-esperjenzi ta’ min ġarrab l-inkwiet u rriskja kollox biex sab il-kenn.
//= $special ?>