Il-Fondazzjoni Inspire inawgurat Ċentru ta’ Tagħlim b’differenza. Dan iċ-Ċentru se jaqdi lil persuni li għandhom diffikultajiet ta’ tagħlim speċifiku u anke diffikultajiet oħrajn, iżda mhux neċessarjament għandhom xi tip ta’ diżabbiltà. Il-Fondazzjoni Children in Need se tkun qed tisponsorja dan il-Learning Centre, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Malta, li se jiffoka fuq l-għoti ta’ għajnuna lil tfal u żgħażagħ ħalli jiffaċċjaw u jirbħu diversi diffikultajiet fit-tagħlim, b’enfażi fuq diffikultajiet fil-kitba u fin-numri minħabba dyslexia u dyscalculia.
Dawn id-diffikultajiet jispiċċaw biex jaffetwaw il-mod sħiħ li bih wieħed jikkomunika ma’ ħaddieħor u hu għalhekk li dawn it-tfal għandhom bżonn l-appoġġ xieraq biex bħal ħaddieħor jilħqu l-miri edukattivi tagħhom. It-tfal li se jattendu dan iċ-Ċentru se jkollhom diversi sessjonijiet fi gruppi jew inkella fuq bażi individwali li se jkunu organizzati minn għalliema kwalifikati u ta’ esperjenza, fid-djar jew inkella fiċ-Ċentru ta’ Tagħlim tal-Fondazzjoni Inspire f’Bulebel.
Iċ-Ċentru se jkun qed jorganizza wkoll gruppi ta’ ħidma u seminars biex il-ġenituri u anke l-edukaturi jirċievu taħriġ ħalli jkunu f’pożizzjoni aħjar ħalli jgħinu lit-tfal jegħlbu d-diffikultajiet tagħhom. Li t-tfal kollha jingħataw edukazzjoni xierqa hi responsabbiltà mhux biss tal-ġenituri jew tal-għalliema, iżda tal-komunità wkoll.
Ic-Chief Operating Officer ta’ Inspire Antonello Gauci sostna li dan iċ-Ċentru sar realtà grazzi għall-kontribut tal-Fondazzjoni Children in Need, b’kontribut li sar b’fondi miġbura matul it-tieni sfida ta’ qdif bejn Sardinja u Malta s-sena li għaddiet. Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-fundatur tal-Fondazzjoni Children in Need Daniel Abela, li wkoll ipparteċiepa fl-isfida ta’ qdif li saret is-sena li għaddiet biex jiġi ffinanzjat il-proġett.
Attenda wkoll il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, li rringrazzja lil Inspire għax-xogħol li tagħmel fost l-adulti u t-tfal b’diżabbiltà, iżda b’mod partikolari għat-tfal u l-familji tagħhom.
//= $special ?>