Ekonomija

Is-swieq finanzjarji internazzjonali f’livelli rekord

Kompliet il-burdata pożittiva fis-swieq internazzjonali, fejn saħansitra rajna li diversi swieq irreġistraw livelli rekord. Is-suq Ġermaniż laħaq livell rekord minkejja li matul din is-sena mhux qed naraw ir-ritmu tant b’saħħtu li konna rajna fl-2013. Is-swieq Amerikani S&P500, Dow Jones u Nasdaq irreġistraw titjib. L-istatistika qed tindika li l-ekonomija Amerikana qed tirreġistra progress b’aktar impjiegi jinħolqu. Bosta impjiegi ġodda qed jinħolqu fil-manifattura u dan iwassal għal titjib sostanzjali fl-ekonomija.

Iż-żidiet fl-indiċi Ewropej ilhom għaddejjin għal 10 ġimgħat wara xulxin. Dan hu l-itwal perjodu li fih rajna żieda wara l-oħra f’dawn l-aħħar sentejn. Din il-pożittività fis-swieq wasslet biex kellna aktar kumpaniji kbar li ngħaqdu jew li xtraw lil xulxin. Waħda mill-aktar kumpaniji li rat titjib fil-prezz tal-ishma tagħha din il-ġimgħa kienet il-kumpanija Franċiża tal-karozzi PSA Peugeot Citroen. L-ishma ta’ din il-kumpanija żdiedu aktar minn 5% matul din il-ġimgħa.

L-isterlina tinsab fl-aqwa livell li qatt kienet fl-aħħar ħames snin u nofs. Minkejja li bosta huma tal-fehma li wasal iż-żmien li din tibda tiddgħajjef, jidher li s-swieq qed jindikaw mod ieħor. Il-prezz taż-żejt laħħaq il-$115 kull barmil u dan hu l-ogħla prezz f’dawn l-aħħar disa’ xhur. L-inkwiet fl-Iraq qed ikompli joħloq inċertezza fil-prezzijiet taż-żjut.

Il-Qorti Suprema Amerikana ddeċidiet li bonds li ma kienux ġew imħallsa madwar 12-il sena ilu mill-Gvern Arġentin għandhom jitħallsu lura. Dan jista’ jwassal biex l-Arġentina ma tkunx f’pożizzjoni li tħallas dawn id-djun sat-30 ta’ Ġunju, kif mitlub. Bosta huma tal-fehma li dan jista’ jwassal għal falliment ieħor tal-ekonomija Arġentina. Dan il-pajjiż ġgant kien falla fl-2001, b’dejn li kien ilaħħaq il-$95 biljun.

Dan l-artiklu hu miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd | www.mpmci.net | tel: 21493250

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.