Internazzjonali

Jibda jinstema’ l-appell ta’ Berlusconi fil-każ tal-Bunga Bunga

F’Milan beda jinstema’ l-appell li ressaq l-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi mis-sentenza ta’ 7 snin ħabs li weħel is-sena l-oħra meta l-Qorti sabitu ħati li ħallas lill-prostituta Marokkina Karima El-Mahroug, tfajla taħt l-eta’ magħrufa aħjar bħala Ruby Ruba-Cuori, biex ikollu x’jaqsam magħha sesswalment.  Każ li permezz tiegħu ħareġ fil-beraħ l-iskandlu tal-parties erotiċi – imsejħin Bunga Bunga – li kienu jsiru fil-villa ta’ Berlusconi barra Milan, meta kien Prim Ministru.

Berlusconi, li għandu 77 sena, ma kienx preżenti għall-ewwel seduta tal-appell. Hu bħalissa qed jiskonta sentenza oħra li weħel fuq każ separat ta’ frodi tat-taxxa – f’dan il-każ il-piena kienet perjodu ta’ servizz komunitarju f’dar li tospita anzjani bil-kundizzjoni tal-Alzheimer’s.  Fil-każ tas-sentenza li qed jappella minnha, il-Qorti ordnat ukoll li Berlusconi ma jistax jokkupa kariga oħra politika għall-bqija ta’ ħajtu.