Lokali

Jibqa’ l-ebda żblokk bejn il-UĦM u l-Malta Public Transport Services

S’issa ma kien hemm l-ebda żblokk bejn il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM), li qed tgħid li l-maġġoranza tal-ħaddiema tat-trasport pubbliku huma membri tagħha, u l-Gvern li min-naħa tiegħu għadu qed jinsisti li ma jmur għax id-Direttur tax-Xogħol biex jagħmel il-verifiki meħtieġa ħalli jkun stabbilit li l-UĦM għandha l-għarfien trejdunionistiku. Din l-informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com turi l-aħħar żviluppi fil-kwistjoni tal-impjegati tal-kumpanija tat-trasport pubbliku Malta Public Transport Services.

L-aħħar laqgha bejn iż-żewġ naħat saret ilbieraħ filghaxija. Matulha, il-UĦM bdiet tippreżenta l-provi, li juru li 400 mis-670 xufier tat-trasport pubbliku daħlu membri tagħha u għalhekk għandha aktar minn nofs il-ħaddiema msieħba magħha. Għal din il-laqgħa, attendew f’isem il-Gvern il-Ministru responsabbli mit-Trasport Joe Mizzi u l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta James Piscopo. Madankollu, jidher li l-ħin skedat għat-taħditiet ma kienx biżżejjed biex jitressqu l-provi kollha, bil-UĦM qed tistenna mingħand il-Gvern biex isejħilha ħalli jkomplu t-taħditiet. S’issa għadu mhux magħruf meta se ssir laqgħa oħra bejn iż-żewġ naħat.

Skont dak li qal is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella fl-aħħar jiem, għal xi raġuni aktar minn 100 isem ta’ xufiera li ssieħbu fil-UĦM u li l-lista tagħhom intbagħtet bil-posta rreġistrata lill-kumpanija, baqgħu ma tniżżlux fil-lista tal-Malta Public Transport Services tant li ma kinitx qed tinqatgħalhom il-miżata tal-UĦM mill-paga. Kien għalhekk li l-kumpanija qed tinsisti li l-UĦM m’għandiex il-maġġoranza tal-impjegati.

Il-UĦM kienet qed tinsisti li m’għandux ikun il-Ministru li jiddeċiedi min għandu l-maġġoranza, iżda għandha ssir verifika indipendenti mid-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali, kif sar f’kumpaniji oħrajn tal-Gvern. Madankollu, ladarba l-Ministru għażel li jmexxi dan il-proċess hu, il-UĦM aċċettat għax qalet li hi m’għandha xejn x’taħbi. B’sinjal ta’ rieda tajba, il-UĦM issospendiet ukoll id-direttivi ta’ strajk sakemm isiru t-taħditiet.

Kelliem għall-UĦM, iżda, qalilna li mhux eskluż li l-azzjonijiet industrijali jerġgħu jidħlu fis-seħħ jekk jibqa’ ma jkun hemm ebda żblokk bejn iż-żewġ naħat.