Wara li għelbu lill-Urugwaj 3-1, il-Costa Rica wettqu sorpriża oħra meta għelbu lill-Italja 1-0 biex ibbukkjaw post fil-fażi li jmiss. Din kienet l-ewwel darba f’dawn l-aħħar 24 sena li dan il-pajjiż għadda għal mal-aħħar 16 tat-Tazza tad-Dinja. B’dan ir-riżultat l-Ingilterra issa huma eliminati filwaqt li t-tieni tim li se jgħaddi minn dan il-grupp se jkun deċiż fil-konfront bejn l-Italja u l-Urugwaj. It-Taljani jgħaddu jekk jiġu draw filwaqt li l-Urugwaj iridu jirbħu bilfors.
Buffon, Motta u Abate kienu t-tliet uċuħ ġodda fit-tim Taljan. Buffon tilef l-ewwel logħba kontra l-Ingliżi minħabba injury fl-għaksa u llum ħa post Sirigu. Minkejja li kien hemm dubji dwar il-kundizzjoni ta’ Barzagli dan beda mal-ewwel 11 fiċ-ċentru tad-difiża flimkien ma’ Chiellini. Motta ta’ PSG daħal minflok sieħbu Verratti li kellu kemmxejn tad-deni filwaqt li l-kumplament tat-tim kien l-istess wieħed li rebaħ 2-1 kontra l-Ingliżi. Il-kowċ tal-Costa Rica Jorge Luis Pinto ma għamel l-ebda tibdiliet mit-tim li għeleb lil Costa Rica 3-1.
Fl-ewwel taqsima l-Costa Rica kienu kemmxejn aħjar mit-Taljani u ma bdewx iħallu lit-Taljani jesprimu l-logħob tagħhom. Wara seba’ minuti l-Costa Rica kellhom ċans tajjeb meta Buffon kellu ħarġa ħażina u d-daqqa ta’ ras ta’ Borges marret ftit barra. L-ewwel ċans denju ta’ nota tat-tim ta’ Prandelli wasal fis-27 minuta meta Thiago Motta ipprova xutt minn tarf il-kaxxa imma l-ballun mar barra. Mal-31 minuta logħob wasal l-akbar ċans għall-Italja meta Balotelli irċieva cross minn nofs il-grawnd imma meta ipprova jillobbja l-ballun minn fuq il-gowlkiper Navas dan ma laqtux sew u l-ballun spiċċa mar barra. L-istess plejer ta’ Milan reġa’ kellu ċans ieħor żewġ minuti wara meta irċieva ballun bir-ras mingħand Motta u spara xutt minn tarf il-kaxxa, xutt li kien salvat minn Navas li ċaħħad anke lil Marchisio minn rebound.
Wara dawn iż-żewġ okkażjonijiet ta’ skor għall-Italja waslet risposta tal-Costa Rica fil-41 minuta. L-attakkant Campbell ra x-xutt tiegħu jkun devjat f’corner minn Chiellini. Il-Costa Rica komplew jippressaw u żewġ minuti wara ġew imċaħħda minn penalty ċar meta Joel Campbell twaqqa` mill-istess Chiellini fil-kaxxa imma r-referee Osses taċ-Ċile ma saffarx.
Hekk kif kienet se tintemm l-ewwel taqsima wasal il-gowl tal-Costa Rica. Kien Diaz li beda azzjoni minn naħa tax-xellug u tefa’ cross li sab lil RUIZ li bir-ras għeleb lil Buffon li minn naħa tiegħu żbalja għax ma ħarġitx mil-lasta biex jantiċipa l-cross.
Hekk kif bdiet it-tieni taqsima Prandelli biddel lil Motta u minfloku daħal l-attakkant Antonio Cassano. Wara ħames minuti kienu l-Costa Rica li kellhom ċans meta d-daqqa ta’ ras ta’ Gonzales marret ftit barra. L-Italja irrispondew mal-ewwel meta Cassano daħal fil-kaxxa u hekk kif kien se jipprova x-xutt twaqqaf mid-difensur avversarju. Minkejja li t-Taljani gawdew minn ħafna ħin bil-ballun f’saqajhom dawn rari ħolqu periklu fuq il-lasti ta’ Navas. L-aħħar sforzi tal-Italja waslu minn naħa ta’ Insigne li kellu xutt sitt minuti mit-tmiem li spiċċa għoli. Fl-aħħar minuta, minn azzjoni ta’ corner, Cassano tilef ċans wara li irċieva mingħand Cerci.
Din kienet it-tieni darba li dawn it-timijiet lagħbu kontra xulxin. Fl-1994 l-Italja kienu għelbu lill-Costa Rica 1-0.
//= $special ?>

