Fil-11 ta’ Lulju li ġej, f’Malta se jiltaqgħu l-Ministri responsabbli mill-Enerġija tal-Unjoni Ewropea u tal-pajjiżi tal-Mediterran biex jiddiskutu kif ir-riżorsi tal-enerġija fl-Afrika ta’ Fuq jistgħu jikkontribwixxu lejn l-Ewropa. Dan anke permezz ta’ interconnectors bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq. Il-ħsieb hu li Malta ssir hub tal-enerġija fil-Mediterran.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar dan waqt laqgħa tal-Core Group tal-Malta-EU Steering & Action Committee (MEUSAC), li saret fil-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u d-Drittijiet Ċivili. Muscat reġa’ kkonferma li Malta se tappoġġja n-nomina ta’ Jean Claude Juncker għal President tal-Kummissjoni Ewropea minħabba li dan jirrappreżenta lill-Partit Popolari Ewropew, li għandu l-maġġoranza tal-membri fil-Parlament Ewropew. Hu qal li Juncker jista’ jsir il-President tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida l-ġimgħa d-dieħla.
Joseph Muscat qal li l-ġimgħa d-dieħla se jattendi laqgħa tal-Kunsill Ewropew, fejn se jkun diskuss il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea. Il-prijoritajiet fil-laqgħa se jkunu l-ħolqien tax-xogħol, l-enerġija u l-immigrazzjoni. Qal li ċerti regoli tal-UE qegħdin hemm biex jissodifaw lill-UE stess u qed ixekklu t-tkabbir ekonomiku tal-UE. Sostna li filwaqt li l-UE ma tridx tabbanduma d-dixxiplina fiskali, il-prijortitajiet għandhom ikunu l-policies ħalli jinħoloq ix-xogħol u jkun hemm UE aktar kompetittiva. Qal li hemm bżonn ta’ mandat biex il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida tiddiversifika s-sorsi tagħha tal-enerġija, fosthom l-enerġija rinnovabbli.
Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru qal li r-riżorsi kollha tal-pajjiż qed jaħdmu id f’id mal-Italja fil-missjoni “Mare Nostrum” biex ikunu nterċettati d-dgħajjes bl-immigranti. Qal li jekk l-UE ma tagħmilx xi ħaġa, tista’ tissospendi l-operazzjoni “Mare Nostrum” jew ikollha twaqqaf id-detenzjoni u tħalli lill-immigranti jidħlu f’pajjiżi oħra tal-UE. Qal li l-Italja se titlob biex l-operazzjoni “Mare Nostrum” ma tibqax operazzjoni Taljana, iżda ssir operazzjoni tal-UE.
Il-Prim Ministru qal ukoll li s-Sibt se jattendi Summit bejn 10 pajjiżi, li se jsir fi Franza u li se jiddiskutu l-ħatra ta’ Juncker u l-programm dwar il-prijortitajiet tal-UE.