Qorti

Organizzatur ta’ avvenimenti ordnat iħallas djun

Il-Qorti ordnat lil Edric Bonello biex iħallas lill-kumpanija Malta Art Events Limited is-somma ta’ €10,160 f’pagamenti li waqgħu lura inkonnessjoni ma’ attività li saret fi żmien il-Festi tal-Milied 2012 imsejjħa “Christmas Gala: A Viennese Night” f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. Fis-27 ta’ Marzu 2014 il-Malta Art Events Limited bdiet proċeduri fil-Qorti, li fihom qalet li Bonello kellu jagħti s-somma ta’ €10,160 lil terzi persuni li kienu organizzaw l-avveniment, li sar fid-29 Diċembru 2012.

Minkejja li kien ukoll infurmat diversi drabi dwar il-proċeduri li kellu kontrieh fil-Qorti, Bonello qatt ma deher għal xi seduta. Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera ordnatlu jħallas l-ammont, kif ukoll l-ispejjeż tal-Qorti bl-interessi b’kollox, sal-aħħar pagament.

Il-kunċert Gala kien immexxi minn Mro Damiano Binetti mill-Italja, bil-parteċipazzjoni tal-Orkestra Filarmonika Maltija, il-vjolinist internazzjonali Ilija Marinkovic u żewġ kantanti tal-opra mill-Vienna Opera Theatre: is-soprano Agnesi Vrablova u t-tenur Kisun Kim. L-Imperial Vienna Ballet kienet ukoll għamlet interpretazzjoni f’dan l-avveniment.