Franza kisbu rebħa faċli 5-2 kontra l-Iżvizzera biex għaddew għall-fażi li jmiss. Kienet it-tieni rebħa konsekuttiva fejn s’issa skurjaw tmienja u qalgħu tnejn.
Qabel il-logħba ntqal li Franza kienu għadhom ma sabux tim li kapaċi joffrilhom sfida denja u wieħed u t-tim ta’ Deschamps wieġeb b’mod mill-aqwa għal dawk li kienu xettiċi dwarhom.
L-ewwel taqsima offriet ħafna emozzjonijiet fejn Franza mhux biss skurjaw tliet darbiet imm anke fallew penalty u għalqu l-logħba. L-affarijiet mill-ewwel dehru li kienu ġejjin ħażin għall-Iżvizzera meta wara ftit minuti tilfu lid-difensur Von Bergen li intlaqat f’wiċċu u beda jitlef ħafna demm. Minfloku kellu jidħol jilgħab Senderos.
L-intenzjonijiet tal-Franċiżi kienu ċari u wara 17-il minuta marru fil-vantaġġ. Minn azzjoni ta’ corner Valbuena tefa’ cross li sab lil GIROUD li b’daqqa ta’ ras għamel l-iskor 1-0. Hekk kif il-partitarji Franċiżi kienu qed jiċċelebraw, 66 sekonda wara wasal gowl ieħor. Behrami kellu pass interċettat minn Benzema u l-attakkant ta’ Real Madrid għadda lejn MATUIDI li daħal fil-kaxxa u minn pożizzjoni angulata għeleb lil Benaglio għal 2-0.
Bl-Iżvizzeri maħsuda kienu Franza li reġgħu kienu perikolużi, din id-darba permezz ta’ Giroud li ipprova volley li mar għoli. Man-nofs siegħa l-ewwe ċans għat-tim ta’ Hitzfeld meta Varane ipprova xutt mid-distanza imma l-gowlkiper Lloris salva temporanjament u mir-rebound Shaqiri naqas milli jsib ix-xibka.
Ta’ dan pattew qares u minuta wara Franza ingħataw penalty. Benzema daħal fil-kaxxa u twaqqa` minn Djourou. L-istess Benzema ra l-penalty salvat minn Benaglio u mir-rebound Cabaye għamel l-impossibbli u stampa l-mimduda. Kien l-ewwel penalty fallut waqt din l-edizzjoni.
10 minuti mill-mistrieħ Franza skurjaw it-tielet gowl u issiġillaw ir-rebħa. Giroud ħarab mal-linja tax-xellug u għadda ballun lejn Varane b’dan tal-aħħar iqassam lil VALBUENA li mill-viċin ma żbaljax.
Fit-tieni taqsima l-Franċiżi mhux biss ikkontrollaw mingħajr iżda saħanistra żiedu tnejn oħra. Fis-67 minuta s-sostitut Pogba li kien għadu kemm daħal għadda lejn BENZEMA li għamel l-iskor 4-0. Ftit minuti wara Benzema ipprovda lil SISSOKO li b’xutt fil-baxx għamilhom ħamsa.
Lejn it-tmiem l-Iżvizzeri għamlu l-iskor aktar rispettabbli meta fil-81 minuta minn free kick dirett DZEMAILI għeleb lil Lloris u ftit wara XHAKA b’volley sabiħ għamilhom 5-2.
Fl-aħħar sekondi Benzema deher li għamel l-iskor tennistiku imma r-referee ma kkonvalidax il-gowel għaliex kien saffar tmiem il-partita.
Wieħed issa jistenna reazzjoni mill-Iżvizzera meta jilagħbu kontra l-Honduras.


