Sport

Roy Hodgson mhux se jirreżenja

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Ingliż Roy Hodgson  insista li mhux se jirriżenja minkejja li t-tim  ġie eliminat mit-Tazza tad-Dinja. Doppjetta ta’ Luis Suarez ikkundannat lill-Ingilterra għat-tieni telfa konsekuttiva fi Grupp D u bir-rebħa tal-Costa Rica fuq l-Italja kienu matematikament eliminati.

“M’għandix intenzjoni li nirriżenja,” qal Hodgson li għandu 66 sena.  “Kont veru kuntent bil-mod kif il-plejers irrispondew għax-xog[ol li għamilna”. L-FA Ingliża ħatret lil Hodgson ftit qabel il-Euro 2012 wara r-riżenja xokkanti ta’ Fabio Capello. L-Ingliżi waslu sal-kwarti tal-finali fil-Kampjonati Ewropej fil-Polonja u l-Ukrajna u kienu eliminati bil-penalties kontra l-Italja, imma kienu bla telfa biex għaddew għall-finali tal-Brażil. “Ovvjament ninsab diżappuntat ħafna imma ma nħossx li għandi nirriżenja, le. Mill-banda l-oħra jekk l-FA taħseb li jien mhux mhx il-bniedem idejali għall-kariga, tkun deċiżjoni tagħhom u mhux tiegħi.”

Il-manager ta’ QPR Harry Redknapp li kien l-akbar favorit li jkun is-suċċesur ta’ Capello, qal li Hodgson għandu jibqa’ fil-kariga. “Roy ma setax jagħmel aktar. Ipprepara lit-tim tajjeb, ħadem iebes u wieħed jista’ jara li t-tim kellu training camp tajjeb. Imma fl-aħħar mill-aħħar fallejna xi ħaġa”. Madankollu, Redknapp qal li l-“futur tal-futbol Ingliż” hu fil-manager ta’ Liverpool Brendan Rodgers u dak ta’ Everton Roberto Martinez.

“Naħseb li hemm żewġ managers żgħar f’Mersyside li huma assolutament fantastiċi. Meta Roy jiddeċiedi li jieqaf, nixtieq nara lill-Ingilterra tilgħab bl-istess stil li lagħbu Liverpool din is-sena taħt Rodgers jew bil-mod kif Evertton lagħbu taħt Martinez.”

L-eks attakkant Ingliż Alan Shearer appoġġja lil Hodgson li jmexxi lit-tim sal-Euro 2016. “Kulħadd ried jara lit-tfal jingħataw ċans u pprova jirbaħ il-logħba kontra l-Italja. Għandu jingħata ċans li jtemm dak li beda,” qal Shearer.

Intant wara r-rebħa tal-Costa Rica li fissret l-eliminazzzjoni tal-Ingilterra, ċ-Chariman Greg Dyke indika li Hodgson se jkun qed iżomm postu. “Se nibqgħu nappoġġjaw lil Hodgson u tlabnih jibqa’ fil-kariga. Ma nħossux li ġejna umiljati. Kienu telfiet minimi u ma naraw l-ebda valur kbir li nibdlu lil Roy. Għamel xogħol tajjeb,” qal Dyke.