Żewġ eks-kollegi li kienu jaħdmu fl-istess bank spiċċaw il-Qorti u qed jakkużaw lil xulxin b’fastidju. Dan minħabba l-kwistjonijiet li żvolġew bejniethom, fejn wieħed minn dawn l-irġiel saħansitra kellu jitlaq l-impjieg għaliex skont hu ma setax jissaporti l-“bullying” li qed jsir fil-konfront tiegħu.
Sadanittant, ir-raġel l-ieħor kellu l-impjieg tiegħu mitmum mill-bank minħabba din il-kwistjoni. Dan l-istess raġel, quddiem Qorti oħra, kien ammetta li ordna kuruna tal-mejtin lil mart ir-raġel l-ieħor għal funeral li qatt ma sar.
Ir-raġel kien inqabad wara li l-ħanut tal-fjuri kien mitlub jgħaddi l-informazzjoni tal-persuna li għamlet kuntatt miegħu. Ir-raġel kien ammetta u kienet inħarġet ordni ta’ protezzjoni mill-Qorti, fil-konfront tar-raġel l-ieħor.
Dan kollu kien seħħ madwar ġimgħa qabel li l-mara kellha tixhed fil-kawża li r-raġel li kellu jitlaq mix-xogħol fetaħ kontra l-eks-kollega tiegħu, liema każ għadu qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona.
Mart ir-raġel li kellu jħalli l-impjieg, fix-xhieda tagħha quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, qalet li qatt ma fehmet għaliex ir-raġel tagħha u l-eks-kollega tiegħu ma baqgħux ħbieb. Tenniet li l-eks-kollega ta’ żewġha kien imur id-dar tagħhom regolari. “Żewġi huwa rispettat ħafna, għax huwa raġel kwiet,” sostniet il-mara li fix-xhieda tagħa qalet ukoll li żewġha kellu joħroġ bis-sick leave għal tliet xhur fl-2012, għax ma setax jissaporti l-“bullying” tal-eks-kollega tiegħu, tant li beda jbati minn ansjetà kbira.
Minħabba s-sitwazzjoni, l-eks-kollega ta’ żewġha kellu jiġi trasferit lejn fergħa oħra tal-bank. Madankollu, il-mara qalet li l-eks-kollega kien ukoll imur fil-fergħa fejn baqa’ jaħdem ir-raġel tagħha u kien joqgħod iħares lejh b’mod sarkastiku. Ix-xhud qalet li finalment, żewġha kellu jitlaq mix-xogħol għax felaħx aktar.
Għall-allegat vittma qed jidher l-Avukat Tonio Azzopardi. L-ismijiet tal-persuni ma jistgħux jissemmew fuq ordni tal-Qorti għax il-każ huwa wieħed delikat. Il-każ ikompli.
//= $special ?>