Internazzjonali

Aġġornata: Il-President Poroshenko iħabbar waqfien mill-ġlied għal ġimgħa

Il-President Ukren Petro Poroshenko kkonferma l-aħbar li kienet ilha mistennija min ħafna hekk kif ħabbar li l-istat Ukren kien ser jieqaf mill-ġlied fil-lvant tal-pajjiż ma’ separatisti favur ir-Russja għal perjodu ta’ ġimgħa, jiġifieri sal-Ġimgħa 27 ta’ Ġunju. L-għan wara dan il-waqfien huwa sabiex is-separatisti jtemmu l-ġlieda tagħhom għalkemm l-ewwel indikazzjonijiet juru li s-separatisti m’għandhom ebda intenzjoni jagħmlu dan.

Aktar kmieni …

Il-President il-ġdid Ukren Petro Poroshenko (ritratt) se jippreżenta pjan għall-paċi intiż li jwassal għall-waqfien mill-ġlied fil-Lvant tal-Ukrajna. Poroshenko ħabbar dan wara li tkellem bit-telefon, għat-tieni darba din il-ġimgha, mal-President Russu Vladimir Putin. Il-media Ukrena diġà ħarġet xi dettalji tal-pjan, li fost l-oħrajn jipproponi li l-poter fl-Ukrajna jiġi ċentralizzat. Il-pjan isejjaħ ukoll għal diżarm immedjat fil-Lvant tal-Ukrajna, fejn il-qawwiet tal-Gvern qed jiġġieldu lis-separatisti Russi.

Il-pjan jipproponi wkoll il-ħolqien ta’ buffer zone fuq il-fruntiera bejn l-Ukrajna u r-Russja, kif ukoll li jsiru elezzjonijiet parlamentari u lokali bikrija. Jumejn ilu, Poroshenko offra li t-truppi ta’ pajjiżu josservaw waqfien temporanju mill-ġlied biex jagħti ċans lill-militanti Russi li hemm fil-Lvant tal-pajjiż iċedu l-armi.

Sadanittant, tħabbar ukoll li l-Ukrajna se tiffirma l-famuż Trattat ta’ Assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea fis-27 ta’ Ġunju. Kien dan il-ftehim kontroversjali li qanqal il-protesti li fi Frar wasslu għat-tneħħija tal-President Yanukovych, li rrifjuta li jiffirma l-ftehim, u minflok ried li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tal-Ukrajna mar-Russja.