Futbol Sport

Valletta u Birkirkara jispiċċaw fi draw ta’ 1-1

Iċ-Champions Valletta u r-rivali B’Kara spiċċaw fi draw 1-1 fl-ewwel impenn tagħhom dan l-staġun u fit-tieni logħba mill-Euro Cup turnament biex meta kull tim lagħab logħba, Sliema jinsabu fl-ewwel post bir-rebħa 3-0 li kisbu l-Ħamis kontra Hibs.

Kif mistenni ż-żewġ naħat kellhom plejers ġodda fl-iskwadra fejn għal Valletta iddebutta  Gilbert Agius bħala l-kowċ il-ġdid u miegħu dehru għall-ewwel darba Ryan Camilleri u l-Awstraljan Adrian Zahra li daħal bħala sostitut waqt li nieqsa kien hemm il-captain Ryan Fenech u Jonathan Caruana.

B’Elford Alliyu, Hamza Barry u Rocha dos Santos jibdew fuq il-bank, Gilbert Agius għażel li jibda mill-bidu liż-żagħżugħ Llywelyn Cremona li kellu prestazzjoni tajba. Paul Zammit kellu tliet plejers ġodda fl-iskwadra li jinsabu għal prova. Il-gowlkiper Adrian Murcia Sanchez li beda fil-lasta, l-attakkant Lucky Omeroo u Rafael Ledesma.

Fl-ewwel taqsima Valletta kienu aħjar u wara li marru viċin minn Cremona mal-kwarta fetħu l-iskor meta Fenech tilef il-ballun fil-mifield, Murcia Sanchez salva bla ma żamm ix-xutt ta’ Ian Zammit u fil-viċin Nafti xeħet f’lasta vojta.

Ftit wara kien Zammit li bir-ras xeħet barra, bir-risposta Karkariża tasal minn freekick ta’ Herrera li Omoroo kkonkluda għoli. Wara l-mistrieħ il-Karkariżi dehru ferm aħjar u fit-58 minuta marru ferm viċin id-draw meta daqqa ta’ ras ta’ Bissi kienet imtajra minn fuq il-linja. Imma d-draw wasal erba’ minuti wara meta Ledesma żmarka lil Omoroo u mill-cross tiegħu Camenzuli kompla fix-xibka għal riżultat ġust ta’ 1-1.