Id-deputati tal-Partit Nazzjonalista Kristy Debono u Jason Azzopardi iffirmaw petizzjoni ppublikata minn The Malta Independent, li titlob lil Gvern biex jħabbar in-numru totali ta’ telefonati li nstemmgħu mill-Gvern tul din il-leġislatura. Il-petizzjoni tkopri wkoll aċċess li l-Gvern qed jikseb għall-emails privati.
Fi stqarrija, Kristy Debono qalet li fis-sena 2014 il-poplu ma jistenniex li f’soċjeta’ ħielsa jkollok stat li jidħol fil-ħajja privata tal-individwi. Hi wissiet li issa wasal iż-żmien li l-Gvern iserraħ moħħ il-poplu fuq il-moniteraġġ tat-telefonati u l-emails u talbet għal sistema ta’ awditjar tas-sistema kollha tal-interċezzjoni.
L-appell għat-trasparenza tennieh ukoll id-deputat Jason Azzopardi li qal li filwaqt li wieħed jifhem li l-Gvern għandu bżonn ta’ aċċess għal xi informazzjoni fi kwistjonijiet ta’ sigurta’ pubblika, duin il-ġustifikazzjoni ma tistax tkun abbużata. Hu fakkar ukoll li l-liġi titlob twaqqif ta’ Kumitat ta’ Moniteraġġ, li taħdem bi skrutinju fuq is-Servizzi tas-Sigurta’ ta’ Malta, bil-parteċipazzjoni tal-Prim Ministru, tal-Ministru tal-Intern u tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Madankollu, dan il-kumitat għadu ma ltaqa’ qatt minn Ġunju tas-sena li għaddiet, u għadu ma kien pubblikat l-ebda rapport annwali dwar ix-xogħol tas-servizzi sigrieti f’Malta.
Din il-petizzjoni tqanqlet wara l-aħbar li l-kumpanija Vodafone rċeviet 3773 talba għal informazzjoni ta’ komunikazzjoni privata, biex skont l-istatistika, Malta hi l-iktar pajjiż spijjat fl-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>