Ambjent Lokali

“Fl-Imrieħel m’għandux jinbena bini għoli” – Din l-Art Ħelwa

Fi stqarrija ppublikata dalgħodu, Din l-Art Ħelwa qajjmet numru ta’ mistoqsijiet fil-konfront tal-pjan, ippublikat mill-Awtorita’ Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-MEPA, dwar bini li hu aktar minn 10 sulari għoli.

Fost oħrajn, tistaqsi għaliex l-Imrieħel issa ġie inkluż bħala żona li fih jista’ jinbena dan il-bini għoli. Hi rrimarkat li dan ma kienx diskuss fil-pjan oriġinali li l-MEPA ppublikat waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Għaldaqstant, Din l-Art Ħelwa qed titlob li l-Imrieħel jitneħħa minn dan il-pjan u jitnieda proċess separat li jagħti attenzjoni esklussiva dwar jekk l-Imrieħel għandux jilqa’ fih dan it-tip ta’ bini. Dan l-istess proċess għandu jkun miftuħ ukoll għad-diskussjoni pubblika, tenniet Din l-Art Ħelwa.

Din l-Art Ħelwa tagħmel ukoll mistoqsijiet oħrajn, fosthom kif il-MEPA se tkun qed taħdem biex tiggarantixxi li bini għoli iktar minn 10 sulari jkollu disinn tal-ogħla kwalita’, kif speċifikat fid-dokument. Dan hu ta’ prijorita’ kbira, minħabba li, fi kliem Din l-Art Ħelwa, bosta mill-bini għola f’Malta huwa nieqes minn xi disinn ta’ kwalita’.

Minbarra dan, Din l-Art Ħelwa tistaqsi wkoll għaliex id-daqs li fih jinbnew dan it-tip ta’ bini tnaqqas minn 5,000 metru kwadru għal 4,000 metru kwadru. Fi kliem l-NGO, dan it-tnaqqis huwa sostanzjali ħafna u hemm bżonn ta’ spjegazzjoni ċara dwar għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni.