Il-Gvern mistenni jbiddel il-kriterji meħtieġa biex wieħed jidħol fil-Korp tal-Pulizija. Uffiċjalment, jew almenu skont il-Ministru Manwel Mallia, li hu responsabbli mill-Korp tal-Pulizija, dan se jsir biex jimtlew postijiet vojta li hemm fil-Korp.
Iżda skont l-informazzjoni li għandu dan l-istazzjon, dawn il-bidliet se jsiru apposta biex il-Gvern ikun jista’ jdaħħal numru ta’ puliżija ġodda u jaġevola lil numru ta’ persuni u jagħtihom impjieg fil-Korp, anke jekk s’issa, qatt ma laħqu l-kriterji stipulati fl-applikazzjoni biex wieħed jidħol pulizija.
Kien fil-Parlament li l-Ministru Manwel Mallia, kkonferma, wara li saritlu mistoqsija mid-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea, li mhux qed jiġi eskluż li jinbidlu dawn il-kriterji.
Fost il-kriterji li hemm bżonn biex wieħed jidħol fil-Korp tal-Pulizija llum hemm ċertu livell ta’ edukazzjoni. Isiru interview u anke testijiet fiżiċi. Issa, dawn, kif implika l-Ministru Mallia, jistgħu jinbidlu.
Sadanittant, fi tweġiba oħra għal mistoqsija ta’ Ċensu Galea, Manwel Mallia kkonferma li kemm ilu l-Korp tal-Pulizija taħt idejh, 61 pulizija ġew re-instated. Jiġifieri minkejja li kienu spiċċaw mill-Korp biż-żmien, reġgħu iddaħħlu.
Il-maġġoranza assoluta minnhom, 44, huma Kuntistabbli, iżda hemm oħrajn f’karigi għola. Fost l-oħrajn, 12-il Surġent, 2 Maġġuri, 2 Spetturi u Supretendent.
Dawn ukoll, skont l-informazzjoni li għandna, ħafna minnhom iddaħħlu fuq insistenza tagħhom stess. Wara li kienu mwegħda li jerġgħu jidħlu fil-Korp tal-Pulizija qabel l-aħħar elezzjoni, jekk jirbaħ il-Partit Laburista.
//= $special ?>