Miroslav Klose salva lill-Ġermaniżi minn riżultat-sorpriża ieħor f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja b’gowl fis-70 minuta li ssarraf fi draw kontra l-Ghana. Il-plejer veteran kien għadu kif daħal jilgħab minn sostituzzjoni ftit tal-minuti qabel u din kienet l-ewwel darba tiegħu li mess il-ballun f’din il-logħba.
Iżda dan il-gowl kien biss wieħed minn tlieta oħra li sebbħu din il-logħba bi skor finali ta’ 2-2. Kienu l-Ġermaniżi stess li fetħu l-iskor fil-50 minuta minn Mario Gotze, li rċieva minn cross ta’ Thomas Muller. Iżda wara biss tliet minuti, André Ayew ġab id-draw b’daqqa ta’ ras wara cross ta’ Harrison Afful.
Kienu biss disa’ minuti wara, fit-62 minuta, li l-Ghana dehret li tista’ twettaq sorpriża oħra matul din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Gowl ta’ Asamoah Gyan mill-kaxxa l-kbira tefa’ l-ammont kbir ta’ partitarji tal-Ghana fl-Estadio Castelao f’dillirju ta’ ferħ. Iżda bidla mill-kowċ Ġermaniż Joachim Loew fit-68 minuta ħalliet il-frott mixtieq.
Fil-fatt, anqas minn żewġ minuti wara li Miroslav Klose ddaħħal jilgħab minflok Mario Gotze, kien l-istess Klose li mill-viċin u minn corner mgħoddi minn Benedikt Howedes ġab id-draw għall-Ġermaniżi.
//= $special ?>

