Lokali

Inawgurat ċentru ta’ tagħlim għal persuni fil-bżonn

Il-Fondazzjoni Inspire inawgurat Ċentru ta’ Tagħlim b’differenza, ċentru li se jaqdi lil persuni li għandhom diffikultajiet ta’ tagħlim speċifiku u anke diffikultajiet oħrajn, iżda mhux neċessarjament għandhom xi tip ta’ diżabilita’.

Il-Fondazzjoni Children in Need se tkun qed tisponsorja dan il-Learning Centre, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Malta, li se jiffoka fuq l-għoti ta’ għajnuna lil tfal u żgħażagħ biex jiffaċċjaw u jirbħu diversi diffikultajiet fit-tagħlim b’enfażi fuq diffikultajiet fil-kitba, u fin-numri minħabba dyslexia u dyscalculia.

Dawn id-diffikultajiet jispiċċaw biex jaffetwaw il-mod sħiħ li bih wieħed jikkomunika ma’ ħaddieħor u hu għalhekk li dawn it-tfal għandhom bżonn l-appoġġ xieraq biex bħal ħaddieħor jilħqu l-miri edukattivi tagħhom.

It-tfal li se jattendu dan iċ-ċentru se jkollhom diversi sessjonijiet fi gruppi jew inkella fuq bażi individwali li se jkunu organizzati minn għalliema kwalifikati u ta’ esperjenza, fid-djar jew inkella fiċ-ċentru ta’ tagħlim tal-Fondazzjoni Inspire f’Bulebel.

Iċ-ċentru se jkun qed jorganizza wkoll gruppi ta’ ħidma u seminars sabiex il-ġenituri u anke l-edukaturi jirċievu taħriġ ħalli jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jgħinu lit-tfal jegħlbu d-diffikultajiet tagħhom.

Li t-tfal kollha jingħataw edukazzjoni xierqa hi responsabbilta’ mhux biss tal-ġenituri jew tal-għalliema imma tal-komunita’ wkoll.

Iċ-Chief Operating Officer ta’ Inspire, Antonello Gauci sostna li dan iċ-ċentru sar realta’ grazzi għall-kontribut tal-Fondazzjoni Children in Need. Kontribut permezz tal-fondi miġbura matul it-tieni sfida ta’ qdif bejn Sardinja u Malta li saret is-sena l-oħra.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-fundatur tal-Fondazzjoni Children in Need Daniel Abela li wkoll ipparteċipa fl-isfida ta’ qdif li saret is-sena l-oħra biex jiġi ffinanzjat il-proġett.

Attenda wkoll il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo li rringrazzja lill-Inspire għax-xogħol li tagħmel fost l-adulti u t-tfal b’diżabbilta’…imma b’mod partikolari għat-tfal u l-familji tagħhom.