“Together for Rise” hija t-tema ta’ kunċert mużikali li se jittella’ b’risq il-Fondazzjoni RISE fil-grawnds tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin nhar il-Ħamis 10 ta’ Lulju 2014.
Il-Fondazzjoni RISE taħdem biex tgħin fir-rijabilitazzjoni tal-priġunieri qabel dawn joħorġu mill-ħabs wara li jkunu skontaw is-sentenza tagħhom.
Il-Kappillan tal-Ħabs Patri Franco Fenech fisser kif il-Fondazzjoni RISE taħdem bis-sħiħ biex tassisti lir-residenti tal-faċilita’ ħalli jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjeta’.
Il-programm ta’ attivitajiet imħejji għar-residenti tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin hu għodda utli għar-rijabilitazzjoni tagħha.
Simon Buttigieg, Uffiċjal mal-Faċilita’ Korrettiva stqarr li wara s-suċċess miksub biċ-Ċenaklu matul il-Ġimgħa Mqaddsa, il-Faċilita’ se terġa’ tagħti l-għajnuna tagħha biex dan il-kunċert mużikali jiġbed in-nies lejh u fl-istess ħin jinġabru fondi għal Fondazzjoni RISE.
Hu qal li din l-attivita’ se tkun il-preludju għal maratona kbira li se ssir fil-Faċilita’ Korrettiva f’Settembru.
Il-kantant u resident fil-Faċilita’ Korrettiva Tristan B, fisser li fil-kunċert, taħt id-direzzjoni tas-surmast Joe Brown, se jieħdu sehem diversi kantanti popolari, fosthom, Mike Spiteri, Chiara u Freddie Portelli.
Ma jonqosx li f’attivita’ bħal din ikun hemm stands armati bl-ikel u x-xorb li se jkunu qed jinbiegħu lil pubbliku.
Il-kunċert se jkun preżentat mill-karattri Ġorġ u Pawlu kif ukoll mill-preżentatur popolari Peppi Azzopardi.
//= $special ?>