Nhar il-Ġimgħa l-Ministru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali, Manwel Mallia u s-Segretarju Permanentri fi ħdan l-istess ministeru resqu kontro-portest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Ombudsman Joseph Said Pullicino.
Fil-kontro-protest, Manwel Mallia qal li filwaqt li għandu kull rispett lejn l-Awtorita’ tal-Ombudsman Parlamentari, l-Ombudsman ma jistax jiskarta mill-prinċipju illi l-operat tiegħu irid jitħaddem fl-osservanza tal-Liġi.
Il-kwistjoni għandha l-bidu tagħha f’Settembru li għadda meta fl-Armata sar eżercizzju ta’ promozzjonijiet, li fih diversi Maġġuri kienu promossi għal Logutenenti Kurunelli u wħud minnhom promossi għal Kurunelli ftit tal-ġimgħat wara. Dan wassal biex diversi Uffiċjali tal-Armata lmentaw li nqabżu minn Uffiċjali oħrajn b’ferm anqas esperjenza, seniority u kwalifiki minnhom.
Fil-Protest, l-Ombudsman kien qal li hu beda jinvestiga dawn l-ilmenti kif tipprovdi l-Liġi, iżda meta mitlub jipprovdi d-dokumenti relatati mal-eżerċizzju ta’ promozzjonijiet, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali rrifjuta li jagħmel dan u qed jinsisti li l-Ombudsman m’għandux ġurisdizzjoni jinvestiga dawn l-ilmenti.
Mallia enfasizza li hu qatt ma ċaħad lil ħadd fil-Forzi Armati ta’ Malta milli jressaq kwalsiasi ilment u jinsab dispost li jikkopera mal-Awtoritajiet sakemm dak mitlub ikun qed jimxi id f’id ma dak li tipprovdi l-liġi.
Mallia ikkwota każ li ġara f’Ottubru tal-2003, meta maġġur fl-armata kiteb dwar inġustizzja u aġir diskriminatorju fejn allega li fl-aħħar promozzjonijiet minn Maġġur għal Logotenent Kurunell, hu inqabeż inġustament.
L-ombudsman kien wieġeb: minħabba li “minħabba li fil-każ tiegħek hemm mezzi adekwati għal rimedju, l-ilment tiegħek mhux se jkun ammissibbli għal investigazzjoni skont l-Att tal-Ombudsman.”
Il-kontro-protest jgħid li dan juri biċ-ċar illi l-Uffiċċju tal-Ombudsman jaqbel preċiżament mal-pożizzjoni ta’ dawk li ressqu l-protest u għalhekk il-ministeru qed jinsisti li l-Ombudsman jimxi fil-marġini tal-liġi u jieqaf milli jkompli jinvestiga ilmenti fl-armata jekk ikun għad fadal toroq oħra għal rimedju.
//= $special ?>