Sport

Mark Borg elett President ġdid tal-FMA

Mark Borg kien elett bħala l-President il-ġdid tal-Futsal Malta Association wara li l-membri tal-Kunsill u d-delegati taw vot qawwi ta’ fiduċja waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret is-Sibt fil-Padiljun ta’ Kordin. Kien hemm biss vot wieħed kontra Borg u żewġ astensjonijiet.

Borg ħa post Donald Spiteri li għażel li ma jkomplix jokkupa din il-kariga’ wara sentejn fit-tmexxija tal-FMA. F’diskors wara l-ħatra tiegħu, Mark Borg qal li jinsab onorat bil-fiduċja tal-membri u rringrazzja lill-eks President Donald Spiteri tas-servizz li ta lill-assoċjazzjoni fl-aġġar sentejn.

Hu fisser il-pjan tiegħu għat-tliet snin li ġejjin fejn fost oħrajn esprima x-xewqa li jintroduċi lig għaż-żgħażagħ biex b’hekk iwitti pedament għall-futur tal-logħba tal-futsal f’pajjiżna. Semma’ wkoll l-introduzzjoni ta’ korsis dwar l-immaniġġjar tal-isport u tal-kowċing.

Intant matul l-AĠM inħatar ukoll Alfred Camilleri bħala Viċi President wara li għeleb l-isfida ta’ Saviou Darmanin filwaqt li Vanessa Darmanin u Emmanuel Fenech ġew ikkonfermati fil-pożizzjonijiet ta’ Teżoriera u Segretarju rispettivament.