ARĠENTINA ………………….. 1
IRAN……………………………… 0
Arġentina: Romero, Zabaleta, Fernandez, Garay, Rojo Gago, Mascherano, Di Maria (Biglia 90′), Messi, Higuain (Palacio 76′), Aguero (Lavezzi 76′)
Iran: Haghighi, Montazeri, Hosseini, Sadeghi, Pooladi, Timotian, Nekounam, Haji Safi (R.Haghighi 88′), Dejagah (Jahanbakhsh 85′), Shojaei (Heydari 76′), Ghoochannejhad.
Imwissija: Nekounam, Shojaei.
Skorja: Messi 91′
Referee: Milorad Mazic (Serbja)
Gowl tas-solitu Lionel Messi fil-91 minuta salva lill-Arġentina minn riżultat imbarazzanti kontra l-Iran. B’hekk l-Arġentina kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva wara r-rebħa kontra Bożnja fl-ewwel logħba.
Iżda l-wirja tal-arġentina reġgħet kienet waħda mqanżħa u kellu jkun kapolavur ta’ Messi fil-ħin miżjud biex l-Arġentina salvaw ġieħhom. Għall-Iran wara l-wirja u d-dro ta’ mingħajr gowls kontra n-Niġerja, kienu resqin lejn riżultat ieħor importanti, fejn l-Iranjani ma kienu jisirqu xejn għaliex għal ħinijiet twal qasmu l-logħob mal-avversarji tagħhom.
Arġentina kif kien mistenni ħarġu fuq l-attakk iżda l-ewwel ċans tajjeb ta’ skor wasal wara tlettax-il minuta meta l-gowlkijper Iranjan kellu joħroġ f’saqajn l-attakkant Higuain li kien żmarkat minn Messi.
L-istess Messi kellu xutt imur ftit barra, bil-gowlkijper Iranjan Haghighi wettaq save brillanti fuq xutt bid-dawra ta’ Aguero. L-Arġentini komplew iżidu fl-attakki tagħhom u daqqa ta’ ras ta’ Di Maria għaddiet ftit barra.
Fit-32 minuta freekick ta’ Messi għadda ftit għoli. Erba’ minuti wara Garay għola tajjeb għal freekick tas-solitu Messi iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu marret ftit għoli. Erba’ minuti mill-intervall risposta Iranjani meta minn azzjoni ta’ korner Jalal Hosseini għola tajjeb bid-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi ftit għoli fuq il-lasta difiża minn Romero.
L-Arġentini temmew fuq l-attakk b’xutt mid-distanza ta’ Higuain u daqqa ta’ ras ta’ Fernandez minn azzjoni oħra ta’ korner.
Fit-tieni taqsima l-Iranjani bdew jinkwetaw lid-difiża Arġentina u daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Reza kienet salvata b’diffikulta minn Romero, u ftit wara xutt bomba ta’ Haji Safi mar ftit barra. Bejn dawn l-azzjonijiet l-Arġentina kellhom azzjoni personali ta’ Lionel Messi bix-xutt tiegħu imur ftit barra.
Fis-67 minuta Iran mill-ġdid perikolużi b’daqqa ta’ ras ta’ Dejagah bil-gowlkijper Arġentina idawwar f’korner b’diffikulta. Il-logħba kienet mill-isbaħ fl-aħħar parti tagħha u mftuħa għal kull riżultat.
L-Iran reġa’ kellhom ċans tad-deheb f’azzjoni ta’ kontrattakk bl-attakkant Dejagah jaħrab lid-difiża Arġentina iżda jkun imċaħħad minn save tajjeb tal-gowlkijper Arġentin Romero.
L-Arġentini xeħtu kollox fl-attakk b’mod konfuż iżda qalbieni biex fil-91 minuta kien Messi li solva l-problemi tal-Arġentini meta skorja ġmiel ta’ gowl b’xutt bid-dawra minn tarf il-kaxxa.
//= $special ?>

