Edukazzjoni Lokali

Opportunitajiet ġodda fl-Universita’ għal persuni bla kwalifiċi

Programm ġdid tal-Universita’ ta’ Malta qed joffri opportunitajiet kbar għal persuni li m’għandomx kwalifiċi jew qatt ma kellhom ċans jistudjaw fl-Universita’ jew oħrajn li ggradwaw imma ilhom li qatgħu mill-istudju.

Dan hekk kif l-Universita’ nediet iċ-Ċentru tax-Xjenzi u l-Arti Liberali li joffri firxa wiesa’ ħafna ta’ suġġetti li jvarjaw minn żmien il-Preistorja, l-istorja tal-univers, għall-fotografija, l-ambjent, iċ-ċinema, lingwi u ħafna iktar. Suġġetti li jkopru mhux biss lil pajjiżna imma wkoll kulturi oħra minn madwar id-dinja.

Biex it-tagħlim ikun iktar effettiv, it-tagħlim ta’ parti mis-suġġetti se jsir f’postijiet barra mill-klassijiet bħalma huma mużewijiet u postijiet oħra marbuta mas-suġġett.

Dan iċ-ċentru joffri suġġetti miftuħa għal kull eta’ u li l-vantaġġ tagħhom hu l-flessibilta’ hekk kif min japplika mhux marbut li jagħżel minimu ta’ suġġetti, jista’ jadatta skont il-ħin li għandu u jimxi wkoll bil-pass tiegħu. Il-flessibilita’ ta’ dan il-programm jippermetti li meta int tkun għaqqadt numru ta’ punti, krediti, jista’ jsarraf dawk il-punti f’ċertifikat, diploma jew anki baċellerat fl-istudji liberali.

U għal dawk li l-istudju jbeżżaghhom minħabba l-eżamijiet, is-suġġetti ta’ dan iċ-Ċentru jiġu assessjati skont il-prestazzjoni tal-istudenti f’xogħol li jingħata matul il-kors tal-istudju.

L-applikazzjonijiet ghal dan iċ-ċentru diġa’ jinsabu miftuħa u wieħed jista’ japplika fuq is-sit www.um.edu.mt/clas. It-timetable tas-suġġetti differenti diġa’ ġiet pubblikata.