Tħassib mill-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, dwar l-inizzjattivi Klabb Sajf u Klabb 3-16, li l-Gvern joffri matul is-sajf.
Fi stqarrija, l-MUT ħabbret li f’isem il-Kapijiet tal-Iskejjel f’Malta bagħtet ittra lil Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Impjieg, fejn esprimiet numru ta’ preokkupazzjonijiet li jaffettwaw dawn l-inizzjattivi.
Fi kliem l-MUT, Klabb Sajf u Klabb 3-16 huma inizzjattivi li qed jitwettqu b’nofs qalb minħabba li huma mifnija b’numru ta’ problemi. Jispikkaw il-kuntratti mal-kap tal-iskejjel, li s’issa għadhom ma tlestewx, ir-responsabbiltajiet ġodda li ngħataw lil kapijiet tal-iskejjel, meta x-xogħol suppost jingħata lil persuni oħra, l-impjieg ta’ ħaddiema fi Klabb Sajf li m’għandhomx l-esperjenza meħtieġa, u l-arroganza ta’ ċertu koordinaturi tal-inizzjattiva, fost oħrajn.
Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, l-MUT tittama li jittieħdu passi serji u urġenti biex din is-sitwazzjoni titranġa malajr kemm jista’ jkun.
Intant, biex tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha, fl-istqarrija, l-MUT ħabbret ukoll li l-membri tagħha li mhux qed jipparteċipaw f’dawn il-programmi mhux se jinżammew responsabbli tal-konsegwenzi ta’ din l-ittra, u ngħataw struzzjonijiet biex ma jwieġbux telefonati jew emails li jafu jikkonċernaw dawn l-iskemi, barra mill-ħin tagħhom tax-xogħol.
L-MUT ittemm billi tgħid li minkejja li dawn l-inizzjattivi għandhom għan tajjeb, ir-realta’ tibqa’ li jekk dawn jibqgħu jsiru mingħajr ħsieb jew investiment f’waqtu, l-inizzjattivi se jkunu qed jagħmlu ħsarat kbar lis-settur edukattiv u l-infrastruttura edukattiva Maltija.
//= $special ?>