Mill-iskeda l-ġdida tal-Gozo Channel għas-sajf li ġej, il-kumpanija se tibda tħaddem vapur inqas filgħodu, meta mqabbel mal-istess skeda tas-Sajf li għadda.
Dan kien żvelat fis-sit newsbook.com.mt fejn ingħad li skont l-iskeda, il-vjaġġi tas-6.30 u tas-7 ta’ filgħodu se jibdew jaħdmu kull nhar ta’ Tnejn biss. Dan meta s-Sajf li għadda dawn iż-żewġ vjaġġi kienu jsiru kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa.
Dan ifisser li kuntrarju għas-snin li għaddew, fix-xhur tas-Sajf, mit-Tlieta sal-Ħadd, dawn iż-żewġ vjaġġi se jibdew isiru fi vjaġġ wieħed fis-6.45am.
L-iskeda tas-Sajf se tibda min-nhar it-Tnejn li ġej u tibqa għaddejja sat-28 ta’ Settembru.
Intant, l-istess sit jgħid li l-pjan biex tiġi introdotta s-sistema ta’ priority boarding fuq il-vapuri tal-Gozo Channel għadu ma ġiex imwarrab.
Fil-fatt, sorsi qrib il-kumpanija Gozo Channel qalu li bħalissa qed isir xogħol fuq il-websajt li permezz tagħha se tkun qed titħaddem is-sistema tal-priority boarding fuq il-vapuri. Qed isir ukoll l-ittestjar meħtieġ fuq is-sistema.
Is-sit Newsbook jgħid li hu infurmat li “d-dettalji dwar kif se taħdem is-sistema se jitħabbru dalwaqt.” Infurmat wkoll li mhux eskluż li s-sistema tidħol fis-seħħ f’Lulju li ġej, iżda t-tariffi għadhom mhux ikkonfermati.
F’Jannar li għadda, il-Ministeru għal Għawdex ikkummissjona studju dwar il-vijabbiltà li jiġi introdott dan is-servizz.
L-istħarriġ li sewa €9,500 sar bit-telefown mill-kumpanija PriceWaterhouseCoopers fost għadd ta’ passiġġieri li ta’ spiss jagħmlu użu mis-servizz bejn Malta u Għawdex. Fost l-oħrajn kienu ġew mistoqsija jekk jagħmlux użu mill-priority boarding u jħallsu €2 jew €4 iktar.
F’Mejju li għadda, fil-Parlament, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo kien qal li l-kumpanija Gozo Channel kienet “għaddejja bl-istudji u bil-preparamenti biex jiddaħħal il-kunċett ta’ pre online booking.”
//= $special ?>