Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Naxxar Lions, li saret illum, Dione Drago reġa’ ħa l-kariga ta President tal-klabb wara li kien irriżenja żewġ logħbiet biss qabel tmiem l-istaġun li għadda.
Waqt id-diskors tiegħu, Drago qal li fl-ħħar xhur kellmuh diversi investituri barranin li wrew interess li jinvestu fil-klabb. Madankollu qal li ma kienx ikun għaqli li jintrabat ma’ xi ħadd minn dawn l-investituri f’dan il-punt. Reġa’ qal ukoll li d-Direttur Ġenerali Felice Bellini kien ikkuntattjah u wera’ nteress li jissieħeb ma’ Naxxar.
Intqal ukoll li l-klabb aċċetta art mogħtija mill-Gvern biex ikun jista’ jibda mill-iktar fis possibbli l-proġett tal-grawnd u l-faċilitajiet tal-klabb. Drago rringrazzja kemm lill-Onorevoli Michael Farrugia u lill-Onorevoli Robert Cutajar li dejjem kienu disponibbli biex jgħinu lill-klabb Naxxari u li grazzi għalihom din il-ħolma setgħet issir realta’.
Drago kompla li l-għanijiet tal-klabb hu li jkompli jibni fuq it-tajjeb li sar fl-istaġun li għadda u tissaħħaħ in-nursery.
Matul l-AĠM intqal ukoll li l-barranin Aleandro Reano, Pablo Doffo u Gilmar Da Silva Ribeiro ġew ikkonfermati għal staġun ieħor. Magħhom, kif ħabbar Replay, se jingħaqad l-eks plejer ta’ Naxxar Emmanuel Ibok Edet, akkwist ieħor wara dak ta’ David Fenech mingħand Nadur Youngsters. Naxxar mistennija jkompli jsaħħu l-iskwadra tagħhom hekk kif għaddejjin diskussjonijiet ma’ żewġ plejers lokali oħra.
Tħabbar ukoll li fil-jiem li ġejjin se jaslu f’pajjiżna erba’ Brażiljani biex jagħmlu prova mal-klabb.
Intant fi tmiem l-AĠM inħatar ukoll il-Kumitat tal-klabb li issa se jkun iffurmat minn Dione Drago, Sandro Pecorella, Matthew Buttigieg, Ashley Laus, Sandro Galea, Clint Muscat, Pierre Sciberras, Mario John Debono, Clifford Galea, Lino Pullicino u Stephen Abela li se jigi co-opted.
//= $special ?>

