Lokali

Ic-China machinery Export Corporation tista’ tkun involuta fis-settur tal-energija f’pajjizna

Kumpanija statali tal-Gvern Ciniz tista’ tingħata x-xogħol tal-bini tal-power station tal-gass f’Delimara. Dan b’riżultat ta’ ftehim li għadu kemm ġie ffirmat bejn il-kumpanija Gasol, li tagħmel parti mill-konsorzju li qed jieħu ħsieb il-power station il-ġdida, u l-kumpanija tal-Gvern Ciniz, China Machinery Export Corporation.

Dan kien żvelat mill-gazzetta il-mument f’artiklu intitolat, “Probabbilta` li kumpanija statali Ciniza tibni l-impjat tal-gass”.

L-artiklu jiżvela li l-kumpanija Gasol xtrat l-ishma fl-ispecial purpose vehicle – il-Malta Power & Gas li swewha 30 miljun ewro. Il-Malta Power 7 Gas ghandha l-permessi kollha biex tinbena l-power station tal-gass f’Delimara.

S’issa kemm il-Gvern malti kif ukoll il-konsorzju ElectroGas baqghu jostru d-dettalji dwar il-proġett u m’għamlu l-ebda dikjarazzjoni dwar x’effett għandu l-ftehim bejn Gasol u l-kumpanija statali Ciniza fuq il-proġett tal-impjant il-ġdid tal-LNG għall-power station ta’ Delimara.

F’Ottubru li għadda Gasol kienet żvelat li l-iżvilupp tal-power station li titħaddem bl-LNG li jipprovdilha tanker b’140 elf metru kubu gass ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk, se jkun jiswa madwar 370 miljun ewro fuq 24 xahar.

Dan ifisser li din l-ispiża tista’ tispiċċa titħallas lil kumpanija tal-Gvern Ciniz, ic-China Machinery Export Corporation.

B’hekk kollox qed jipponta lejn sitwazzjoni fejn din tista’ tkun it-tieni kumpanija tal-Gvern Ciniz li tkun involuta fis-settur tal-energija f’pajjiżna. Dan wara li l-Gvern Laburista ftiehem bil-moħbi tal-Parlament, tal-ħaddiema tal-Enemalta u tal-poplu Malti biex iċ-Ċiniżi kisbu 33 fil-mija tal-isħma fil-Korporazzjoni Enemalta.

Permezz tal-kumpanija Shangai Electric Power, il-Gvern Ċiniż xtara l-impjant tal-BWSC li tant kien ikkritikat mill-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni għal 220 miljun ewro li 70 miljun minnhom se jintużaw biex l-impjant jitħaddem bil-gass.

Sadattant il-Ministru responsabbli mill-Enerġija Konrad Mizzi ma weġibx sensiela ta’ mistoqsijiet ta’ il-mument dwar din il-kwistjoni.