BELĠJU………………….1
RUSSJA…………………..0
Belġju: Courtois, Alderweireld, Van Buyten, Kompany, Vermaelen (Vertonghen 31′), Witsel, Fellaini, De Bruyne, Mertens (Mirallas 75′), Hazard, Lukaku (Origi 57′)
Russja: Akinfeev, Kozlov (Eshchenko 62′), Ignashevich, Kanunnikov, Glushakov, Kokorin, Berezutskiy, Shatov (Dzagoev 83′), Samedov (Kerzhakov 90′), Fayzulin, Kombarov
Imwissija: Glushakov, Alderweireld (R), Witsel (B)
Skurjaw: Origi 88′ (B)
Referee: Felix Brych (ĠER)
Il-Belġju kiseb rebħa ta’ 1-0 fl-aħħar minuti kontra r-Russja biex għadda għall-fażi li jmiss. Din kienet it-tieni darba li l-Belġju rebaħ bi tbatija wara li fl-ewwel logħba kienn rebaħ 2-1 kontra l-Alġerija.
Il-Belġju għamlu tliet tibdiliet mit-tim li għeleb lill-Alġerija. L-awturi taż-żewġ gowls kontra l-Alġerija, Mertens u Fellaini bdew mal-ewwel 11 hekk kif ħadu post Chadli u Dembele rispettivament. Thomas Vermaelen beda fid-difiża minflok Vertonghen. Il-captain tal-Belġju Vincent Kompany laħaq irkupra minn uġiegħ fil-groin li ħass waqt sessjoni ta’ taħriġ.
Ir-Russi għamlu żewġ tibdiliet mill-ewwel logħba kontra l-Korea t’Isfel. Il-gowlkiper Igor Akinfeev żamm postu bejn il-lasti minkejja l-iżball kbir li għamel kontra l-Koreani.
Fl-ewwel taqsima l-Belġju kien kemmxejn aħjar mir-Russi fejn il-plejer ta’ Napoli Mertens beda joħloq ħafna periklu fuq il-lasti ta’ Akinfeev. Madankollu kienu r-Russi l-ewwel li ħolqu ċans permezz ta’ Faizulin li ra x-xutt baxx tiegħu jkun salvat tajjeb minn Courtois.
Fl-14-il minuta waslet risposta tal-Belġju meta De Bruyne għamel ħarba tajba fil-midfield u għadda lejn Mertens li kien altruwist u minflok ipprova xutt qassam lejn Lukaku imma l-cross kien imblukkat.
Fl-20 minuta reġa’ kien Mertens li kellu ċans meta spara xutt minn tarf il-kaxxa li spiċċa ftit barra. Bir-reazzjoni tar-Russja ma tasalx il-Belġjani baqgħu jippressaw u din id-darba Mertens kellu xutt salvat wara li kien daħal fil-kaxxa meta b’finta tajba qabeż lil Kombarov.
Tliet minuti wara r-Russi ipprotestaw għall-penalty meta Kanunnikov qabeż lil Alderweireld fil-kaxxa u twaqqa` imma r-referee Ġermaniż Felix Brych ma saffar xejn.
Fit-32 minuta d-difensur Vermaelen li kien beda minflok Vertonghen weġġa’ u kellu jkun mibdul minn Vertonghen stess. Minuta minn tmiem l-ewwel taqsima wasal l-akbar ċans tar-Russi meta Glushakov tefa’ cross perfett lejn Kokorin li daħal tajjeb bejn żewġ difensuri u ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tmur ftit barra.
Fit-tieni taqsima r-Russi tjiebu kemmxejn u mal-54 minuta kellhom l-ewwel ċans meta Glushakov iddeċieda li jipprova x-xutt minflok iqassam lejn in-nofs, liema xutt mar barra. 20 minuta mit-tmiem din il-logħba li kienet monotona ħadet il-ħajja u kwarta mit-tmiem Glushakov reġa’ kellu ċans imma għal darba oħra t-tentattiv tiegħu mar għioli. Fil-81 minuta r-Russi marru viċin li jiftħu l-iskor meta Eshchenko kellu xutt li spiċċa ftit barra.
Żewġ minuti wara l-Belġju kienu sfortunati meta minn free kick dirett ta’ Mirallas il-ballun ħabat mal-lasta. Għal darba oħra t-tim ta’ Wilmots mar viċin li jiskurja u din id-darba kien Hazard li irċieva mingħand Mirallas imma x-xutt tiegħu kien imblukkat.
Żewġ minuti mit-tmiem wasal il-gowl deċiżiv tal-Belġju. Hazard beda azzjoni mill-ġenb u qassam lejn in-nofs lejn ORIGI u l-attakkant ta’ Lille ma żbaljax biex għamel l-iskor 1-0. Origi kien daħal minflok Lukaku li kellu logħba kwieta. Din kienet l-ewwel darba f’dawn l-aħħar tmien logħbiet li l-Belġju ma ikkonċediex gowl fit-Tazza tad-Dinja. Il-logħba tal-bieraħ kienet id-disa’ darba li dawn it-tnejn iltaqgħu kontra xulxin. Minn dawn id-disa’ darbiet it-timijiet rebħu erba’ partiti kull wieħed filwaqt li l-konfront l-ieħor intemm fi draw.
//= $special ?>