Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ imħassba dwar kummenti tal-Ministru Konrad Mizzi

Il-Kamra tal-Kummerċ l-Intrapriża u l-Industrija qed tappella lil Gvern biex jerġa jikkonsidra l-pożizzjoni tiegħu li t-tariffi tal-enerġija jkunu aġġustati fis-sena 2015.

Fi stqarrija l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija innottat bi tħassib kummenti rappurtati fil-media li saru mill-Ministru responsabbli mill-Energija Konrad Mizz. Skont dawn ir-rapporti, l-Ministru Konrad Mizzi qal li l-industrija se jkollha tistenna sas-sena 2015 biex isir it-tnaqqis fit-tariffi tal-enerġija.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li tifhem ir-restrizzjonijiet li qed jiffaċċja l-Gvern biex jagħmel lil Enemalta sostenibbli, imma ma tistax tinjora t-tnaqqis kostanti tal-kompetittivita` tal-industrija. Din saret kwistjoni li trid tkun iffaċċjata bl-akbar urġenza.

Fl-istqarrija, l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija qalet li din ir-realta` kienet enfasizzata fid-dokument tal-Policy Industrijali li nediet hi stess. Din il-policy tidentifika l-akbar oqsma ta’ tħassib għas-settur fosthom il-bżonn ta’ enerġija stabbli b’rati kompetittivi, l-ispejjeż għat-trasport u appoġġ għal investiment, fost l-oħrajn.

Il-Kamra tal-Kummerċ irriaffermat il-pożizzjoni tagħha li intervent f’waqtu biex tkun indirizzata n-nefqa fl-enerġija għal industrija, jservi bħala sinjal ċar lil investituri li l-Gvern verament qed jagħti prijorita` lit-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Dan bħalma qed jiġri f’pajjiżi u reġjuni oħra.

Għalhekk il-Kamra tal-Kummerċ appellat lil Gvern li jerġa jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu skont ir-rakkomandazzjonijiet li saru minnha f’Novembru li għadda biex inaqqas it-tariffi b’effett minn Marzu ta’ din is-sena. Dan almenu b’rispett lejn dawk il-konsumaturi fin-negozju li jużaw ħafna elettiku.