Minkejja li ilu jeżisti biss tliet snin, f’binja li nbniet madwar sena ilu, l-Istitut tal-Applied Science fl-MCAST diġa’ hu popolari ferm u llum-il ġurnata jilqa’ fi ħdanu mat-tliet mitt student fuq bażi full-time.
L-istitut jolqot tliet oqsma prinċipali li huma s-saħħa, l-ambjent u x-xjenzi tal-industrija u jaċċetta studenti minn livell baxx li jibqgħu javvanzaw sakemm jiġu biex jakkwistaw degree. L-istudenti għandhom l-opportunita’ li jitgħallmu fi gruppi żgħar fi tnax-il laboratorju differenti li tlestew ftit tax-xhur ilu u li huma attrezzati b’riżorsi mill-aqwa. Dan kien possibbli wkoll grazzi għal fondi tal-Unjoni Ewropea.
L-Istitut qed iwettaq ukoll ħidma kontinwa mill-qrib mal-kumpaniji u l-Gvern biex jindividwa l-bżonnijiet speċifiċi tas-suq tax-xogħol u jaġġorna l-kors biex jibqa’ relevanti mal-bżonnijiet tal-industrija.