Knisja

Kapillan ġdid għall-parroċċa ta’ Ħal-Safi

L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ħatar lil Dun David Farrugia bħala kappillan tal-parroċċa ta’
Ħal Safi.

Dun David ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju, 2004. Huwa beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-parroċċa ta’ Ħal Tarxien fejn serva għal sentejn, sena minnhom bħala viċi kappillan.

Fl-2006 ġie maħtur viċi kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Luqa u rettur taż-żona ta’ Ħal Farruġ fejn serva għal erba’ snin. Tul dawn is-snin kien ukoll direttur spiritwali tal-Kulleġġ San Benedittu – Skola Sekondarja Subien ta’ Ħal Kirkop. Tul dawn l-aħħar erba’ snin, Dun David serva bħala Chaplain tal-Junior College, fl-Imsida, u bħala saċerdot fil-parroċċa ta’
Santa Luċija.

Il-parroċċa ta’ Ħal Safi tiġbor fiha madwar 2,340 persuna f’721 familja.

Dun David Farrugia twieled fl-24 ta’ April, 1979. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja f’Ħal
Qormi (San Ġorġ), l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċeo Mikiel Anton Vassalli tal-Ħandaq, Ħal
Qormi, u l-edukazzjoni post-sekondarja fil-Junior College, l-Imsida. Kompla l-istudju terzjarji
(Filosofija u Teoloġija) fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta.