Futbol Sport

L-Alġerija għat-tieni post ta’ Grupp H b’rebħa ta’ 4-2 kontra l-Korea ta’ Isfel

L-Alġerija telgħet għat-tieni post fil-Grupp H tat-Tazza tad-Dinja bir-rebħa ta’ 4-2 li kisbu kontra l-Korea ta’ Isfel f’Porto Alegre. Id-dominju Alġerin beda fil-25 minuta meta Islam Slimani fetaħ l-iskor u anqas minn żewġ minuti wara Rafick Halliche għamilhom 2-0.

Sa qabel il-mistrieħ, fis-37 minuta, Abdelmoumene Djabou skorja t-tielet gowl għall-Alġerija, b’dan it-tim diġà kważi rasu mistrieħa mit-tliet punti sa tmiem l-ewwel taqsima. Iżda ftit wara l-bidu tat-tieni taqsima, fid-49 minuta, l-Koreani dehru jagħmlu rimonta b’Song Heung-min inaqqas id-distakk għal 3-1.

L-Alġerini reġgħu ħadu l-kontroll tas-sitwazzjoni meta, fil-61 minuta, Yacine Brahimi għamilhom 4-1. Wara dan, kien inutli l-attentat tal-Koreani biex jirkupraw meta fil-71 minuta Koo Ja-cheol għamel l-iskor finali 4-2.