Lokali

L-artist Għawdxi Austin Camilleri intgħazel bħala espressjoni artistika f’ġieħ ir-Repubblika ta’ Malta

Wara li ħarget sejħa għal proposti aktar kmieni din is-sena, il-proġett bl-isem Bl-Oħla Dawl Libbist tal-artist Għawdxi Austin Camilleri, intgħazel bħala espressjoni artistika f’ġieħ ir-Repubblika ta’ Malta, li din is-sena se tkun qed tagħlaq 40 sena.

Dan il-proġett intgħazel wara li kienet saret kompetizzjoni pubblika u li għaliha ġew ippreżentati numru ta’ proġetti,kemm minn artisti lokali kif ukoll minn oħrajn barranin.

Il-proċess tal-għazla tmexxa minn Heritage Malta, għan-nom tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u t-talba kienet biex tinħoloq espressjoni artistika kontemporanja li tirrappreżenta r-Repubblika Maltija.

Issa se jsiru l-istudji neċessarji fuq il-proġett tal-artist Għawdxi Austin Camilleri sabiex ikunu stabbiliti timeframes u teknikalitajiet oħra li huma relatati.

Fi kliem l-artist innifsu, il-kunċett wara l-progett tiegħu hu bbażat fuq l-idea ta’ spazju, dawl u moviment filwaqt li jenfasizza l-proċessi ta’ riġenerazzjoni u evoluzzjoni li pajjiżna għadda minnu wara li sar Repubblika fl-1974.

Il-foss mhux użat f’Sant Iermu, f’tarf Triq ir-Repubblika, hu s-sit propost għall-progett tal-artist Għawdxi. L-ambjent abbandunat se jinbidel fi spazju miftuh, li jinkludi diversi livelli magħmulin minn elementi skolpiti ‘l isfel mil-livell tat-triq. Il-proġett se jkun qed jaqleb ideat tradizzjonali dwar l-arti kommemorattiva u jibdilhom f’aspetti assocjati mal-arti ċerimonjali. Barra minn hekk il-proġett se jkun aċċessibbli għall-pubbliku.

Fuq kollox, id-dawl se jkun il-fus li madwaru se jkun qed jevolvi dan il-progett.

Il-proġett propost se jservi bħala mezz ta’ komunikazzjoni bejn il-Bieb Principali u t-tarf l-ieħor tal-Belt Valletta. L-iskop hu li z-zona kollha fil-foss ta’ Sant’Iermu tinbidel b’mod fiżiku, soċjali u ekonomiku, u jingħata spazju ġdid lill-pubbliku.

Il-ħolqien ta’ sit f’zona mitluqa se jiġġenera bidliet estetici u ekonomici, filwaqt li l-proġett se jkun qed jiżviluppa ż-żpna fi pjazza ġdida.

Minn aspett ideologiku, il-ħolqien ta’ simbolu ġdid tar-Repubblika Maltija jaspira li jesponi ħajja ġdida lill-parti t’isfel tal-Belt. Dan biex ifakkar l-importanza u r-rilevanza tal-valuri Repubblikani u l-bidliet ekonomiċi, politiċi u soċjali li l-poplu Malti għadda minnhom fl-aħħar snin.